“Il-Libsa Li Għamlet Storja” – Mary Spiteri Tiftaħ Qalbha Dwar Il-Eurovision F’Serata Speċjali Fil-Palazz Ta’ Sant’Anton

The Malta Community Chest Fund se tkun qed torganizza serata speċjali ddedikata lil Mary Spiteri bit-tema “The Dress That Made History”, li se tittella’ fl-20 ta’ Mejju ġewwa l-Palazz Sant’Anton

Matul din is-serata intima, Mary Spiteri se tkun qed tfakkar il-vjaġġ memorabbli tagħha fil-Eurovision Song Contest 1992 fejn Malta kienet kisbet it-3 post bil-kanzunetta Little Child, li jibqa wieħed mill-aqwa riżultati fl-istorja tal-pajjiż fil-Eurovision.



F’konversazzjoni ma’ Angie Laus, Mary se taqsam stejjer u memorji minn dik is-serata storika, inkluż l-istorja wara l-libsa ikonika li kienet liebsa waqt il-prestazzjoni tagħha.



Il-libsa oriġinali, li baqgħet memorabbli għal ħafna Maltin, ġiet mogħtija b’donazzjoni lil The Malta Community Chest Fund u fil-jiem li ġejjin se tittella’ għal irkant online sabiex jinġabru fondi għal persuni fil-bżonn.



L-attività qed tittella’ b’kollaborazzjoni ma’ OGAE Malta u mistennija tattira bosta dilettanti tal-Eurovision kif ukoll persuni li jixtiequ jagħtu sehemhom għal kawża ġusta.

Biljetti għall-attività huma disponibbli minn The Malta Community Chest Fund Store.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI