Il-Kunvent Santa Tereża ta’ Bormla qasam riflessjoni qawwija u emozzjonanti wara l-mewt ta’ Sr Antonietta tal-Ispirtu s-Santu, soru li għexet 62 sena minn ħajjitha fil-ħajja klawstrali.
Fil-messaġġ tagħhom, il-kunvent żvela kif il-post li ħabbar il-mewt tagħha laħaq aktar minn 30,750 persuna, b’mijiet ta’ kummenti, likes u shares, xi ħaġa li huma stess qalu li ġegħlithom jirriflettu. “Hawnhekk wieħed irid jistaqsi… kif soru li għexet dejjem moħbija mill-għajnejn tad-dinja rnexxielha tmiss daqstant qlub wara mewtha?” kitbu.
Il-kunvent sostna li minkejja li ħafna drabi l-bniedem jipprova jgħix “bla Alla”, fil-fond ta’ qalbu jaf li mingħajr Alla ma jistax jgħix. Huma qalu li Alla jibqa’ dejjem fidil lejn il-bniedem, minkejja ċ-ċirkostanzi jew l-iżbalji li wieħed ikun għamel f’ħajtu.
Fil-messaġġ tagħhom, huma indirizzaw ukoll liż-żgħażagħ li jsegwu l-paġna, fejn staqsew x’inhu jżomm lil persuna milli tagħmel il-pass u twieġeb “iva” għas-sejħa ta’ Alla billi tħaddan il-ħajja reliġjuża, bħalma għamlet Sr Antonietta.
“Jekk ta’ 16-il sena s-soċjetà tqisek matur biżżejjed biex tagħżel ir-rappreżentanti tiegħek, għaliex li tagħti lilek innifsek lil Alla tibqa’ tqisha bħala pass li għadek mhux lest għalih?” staqsew. Il-messaġġ jagħlaq b’appell dirett u emozzjonanti lil dawk li forsi qed iħossu din is-sejħa f’qalbhom:
“Agħmel kuraġġ. Qatt mhu tard biex tgħid iva lil Alla.”
Facebook / Kunvent Santa Tereza Bormla