Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, jinsab f’Londra fejn ġie mistieden biex jipparteċipa f’summit dwar Future Health in Europe 2023.
Għal dan is-Summit qed jattendu ministri, politiċi, uffiċjali governattivi, speċjalisti u managers fl-oqsma tas-saħħa u s-soċjal. Matul din il-konferenza qed jiġu diskussi suġġetti varji fosthom s-sostenibbiltà, il-ħarsien tal-ambjent, l-innovazzjoni u l-affordabbiltà tas-sistemi tas-saħħa Ewropej.

Dr. Abela ffoka u rabat id-diskors tiegħu fuq is-settur tas-saħħa fl-anzjanità u tkellem fuq l-importanza li l-ħaddiema fis-settur tal-ġerjatrija jibqgħu jingħataw taħriġ u jingħataw opportunitajiet li bihom javvanzaw ’l quddiem.
Hu tkellem dwar l-importanza li s-servizzi ġerjatriċi jsiru diġitali u teknoloġiċi sabiex ikunu jistgħu jsostnu u jimmasimizzaw ir-riżorsi limitati li għandu kważi kull pajjiż Ewropew. Huwa tenna li l-gvern Malti kommess li jkompli jimbotta inizjattivi ħodor f’dan is-settur vitali għas-soċjetà.
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela temm billi appella għal aktar kooperazzjoni bejn il-pajjiżi inkluż dawk mhux Ewropej, u għal miżuri li huma verament iċċentrati fuq iċ-ċittadin.