Il-Ministru Silvio Schembri Jniedi T-Tieni Strateġija Nazzjonali Għall-Intelliġenza Artifiċjali Fil-Ftuħ Tat-Tech XPO

Silvio Schembri Xpo

Waqt il-ftuħ tat-Tech XPO, il-Ministru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri nieda t-tieni Strateġija Nazzjonali għall-Intelliġenza Artifiċjali (AI), li tinkludi 86 miżura għas-snin 2026 sal-2030.

L-istrateġija għandha l-għan li ċ-ċittadini, in-negozji, l-istituzzjonijiet pubbliċi u r-riċerkaturi jibbenefikaw mill-avvanzi fl-intelliġenza artifiċjali, filwaqt li tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Viżjoni Malta 2050.

Il-Ministru Schembri spjega li madwar 80% tal-azzjonijiet previsti fl-ewwel strateġija twettqu. It-tieni strateġija se tkompli tibni fuq dak li sar s’issa, b’enfasi partikolari fuq il-fiduċja tal-pubbliku, it-titjib fis-servizzi pubbliċi, iż-żieda fil-produttività tan-negozji u l-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda għall-poplu Malti u Għawdxi.

Fit-tfassil ta’ din l-istrateġija taw il-kontribut tagħhom aktar minn 25 espert, filwaqt li ġew ikkonsultati aktar minn 70 persuna u aktar minn 100 entità ressqu l-fehmiet tagħhom. Barra minn hekk, aktar minn 350 persuna pparteċipaw f’seba’ sessjonijiet ta’ ħidma.

Permezz tal-inizjattiva AI Għal Kulħadd, il-Gvern se jkun qed iwessa’ l-aċċess għat-taħriġ u għall-għodod tal-intelliġenza artifiċjali. Se tingħata wkoll importanza lill-użu tal-ilsien Malti fl-għodod diġitali, kif ukoll lill-potenzjal tal-AI fil-ħarsien u l-promozzjoni tal-wirt kulturali Malti.

In-negozji se jingħataw appoġġ finanzjarju u gwida biex jintegraw din it-teknoloġija b’mod responsabbli, filwaqt li fis-settur pubbliku se tingħata attenzjoni partikolari lill-privatezza, lit-trasparenza u lis-sorveljanza umana. L-istrateġija tipprevedi wkoll aktar investiment fir-riċerka permezz ta’ għotjiet, boroż ta’ studju u kollaborazzjonijiet internazzjonali.

Il-Ministru saħaq li l-miżuri se jiġu riveduti regolarment sabiex Malta tkun tista’ tadatta għall-iżviluppi teknoloġiċi u jkollha l-ħiliet meħtieġa biex tiżviluppa s-soluzzjonijiet tagħha stess.

Intant, il-pubbliku huwa mistieden iżur it-Tech Xpo, fejn jista’ jesperjenza mill-qrib l-aħħar innovazzjonijiet teknoloġiċi u jiskopri kif l-intelliġenza artifiċjali qed tbiddel diversi aspetti tal-ħajja tagħna.

L-avveniment se jkun miftuħ għada, il-Ġimgħa 27 ta’ Novembru, bejn it-8:30am u s-2:00pm, u nhar is-Sibt 28 ta’ Novembru, bejn l-10:00 u l-16:30. Id-dħul huwa b’xejn u l-biljetti huma disponibbli fuq techxpo.eu

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI