Eric Ace Jilqa’ L-Istaġun Tal-Festi B’Kanzunetta Ġdida – ‘Goodbye On Christmas Day’

Il-kitarrist, kompożitur u kantant Malti Eric Ace fetaħ l-istaġun tal-festi bit-tnedija tal-kanzunetta l-ġdida tiegħu, Goodbye on Christmas Day. Din il-kanzunetta, li tinsab disponibbli fuq il-pjattaformi diġitali ewlenin, tagħmel parti mit-tieni album tiegħu bħala solista, City Pop, li mistenni joħroġ fl-2027 taħt it-tikketta 141 Records.

Flimkien mal-kanzunetta tnieda wkoll il-vidjo mużikali uffiċjali, prodott minn Jo Pisani. Għal dan il-vidjo ntużaw għodod tal-intelliġenza artifiċjali, li jgħaqqdu n-nostalġija marbuta ma’ żmien il-Milied mat-teknoloġija moderna. Din il-kanzunetta tagħlaq sena importanti fil-karriera mużikali ta’ Eric Ace. F’Lulju li għadda, wara 50 sena fix-xena mużikali, huwa nieda l-ewwel album tiegħu bħala solista, Spin-Off, li ntlaqa’ tajjeb kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment.

Eric Ace huwa magħruf l-aktar għall-kontribut tiegħu fi ħdan il-grupp mużikali Malti X-Tend, li ilu jagħmel parti minnu mill-1984. Matul il-karriera tiegħu kiseb diversi unuri u rikonoxximenti għall-kontribut tiegħu fix-xena mużikali lokali. Permezz ta’ Goodbye on Christmas Day, Eric Ace qed ikompli jesplora orizzonti mużikali ġodda, filwaqt li jwassal storja mimlija emozzjoni marbuta ma’ dan iż-żmien tas-sena.

Minn qalbna nawgurawlu aktar suċċessi fil-proġetti mużikali tiegħu!

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI