Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea ffirmaw dikjarazzjoni konġunta sabiex mit-2027, it-8 ta’ Awwissu ta’ kull sena jkun imfakkar bħala l-Jum Ewropew b’Tifkira tal-Vittmi ta’ Inċidenti fuq il-Post tax-Xogħol. Id-data ntgħażlet b’rabta mat-traġedja li seħħet fl-1956 fil-minjiera ta’ Bois du Cazier f’Marcinelle, fil-Belġju, fejn 262 minatur minn diversi pajjiżi Ewropej tilfu ħajjithom.
L-għan ta’ din l-inizjattiva huwa li tonora l-memorja ta’ dawk li tilfu ħajjithom kawża ta’ inċidenti jew mard relatat max-xogħol, filwaqt li tqajjem aktar kuxjenza dwar l-importanza tal-prevenzjoni, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. "Wara kull inċident fuq il-post tax-xogħol hemm ħajja umana, familja u komunità milquta," sostniet Li Andersson, il-President tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament Ewropew. Hija saħqet li l-ebda ħaddiem m’għandu jirriskja ħajtu sabiex jaqla’ l-għajxien tiegħu.
Minkejja li fl-aħħar 30 sena l-inċidenti u l-imwiet relatati max-xogħol naqsu b’aktar minn 70%, fl-2024 biss ġew irreġistrati aktar minn 3,300 inċident fatali fuq il-post tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea, flimkien ma’ kważi 2.8 miljun inċident mhux fatali. Barra minn hekk, aktar minn 170,000 persuna jmutu kull sena kawża ta’ mard relatat max-xogħol.
Dan il-jum Ewropew se jikkomplementa l-Jum Dinji għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, li jiġi ċċelebrat fit-28 ta’ April ta’ kull sena. Permezz ta’ din l-inizjattiva, l-istituzzjonijiet Ewropej qed iġeddu l-impenn tagħhom sabiex ikomplu jaħdmu lejn ambjent tax-xogħol aktar sigur, bil-għan li ħadd ma jitlef ħajtu waqt li jkun qed jaqla’ l-għajxien tiegħu u tal-familja tiegħu.