Roderick Sayeba qasam il-progress li għamel fil-vjaġġ personali tiegħu lejn stil ta’ ħajja aktar attiv, filwaqt li wassal messaġġ ta’ kuraġġ lil dawk li forsi ilhom jaħsbuha biex jibdew jagħmlu bidla f’ħajjithom. "Minn couch potato għal 10KM kull jum!” kiteb Roderick, hekk kif irrakkonta kif illum wasal biex jagħmel distanza ta’ 10 kilometri kuljum.
Permezz tal-esperjenza tiegħu, Roderick ried juri li wieħed m’għandux għalfejn jibda b’miri kbar. Għall-kuntrarju, hu ħeġġeġ lil dawk li jixtiequ jibdew biex jagħmlu dan pass pass u jżidu l-attività fiżika gradwalment. "Għal min qiegħed jaħsibha: qum minn hemm u ibda llum! Ibda b’10 jew 15-il minuta kuljum, naqqas l-ikel bil-mod u tibda tara r-riżultati," kiteb.
Il-messaġġ tiegħu jiffoka fuq il-perseveranza u l-importanza li wieħed ma jaqtax qalbu jekk ir-riżultati ma jidhrux mill-ewwel. Bidliet żgħar u konsistenti jistgħu, maż-żmien, iwasslu għal progress li fil-bidu jaf jidher diffiċli biex jintlaħaq. "Qatt taqtgħu qalbkom! Jekk għamiltha jien, tista’ tagħmilha inti wkoll!" kompla Roderick.
Hu temm il-messaġġ tiegħu b’żewġ kelmiet sempliċi iżda mimlijin determinazzjoni, "Ibda llum." Żgur li l-progress ta’ Roderick jista’ jservi ta’ motivazzjoni għal dawk li jixtiequ jsiru aktar attivi u jibdew jagħmlu bidliet pożittivi fl-istil ta’ ħajja tagħhom, dejjem skont il-kapaċitajiet u ċ-ċirkostanzi personali tagħhom.
Facebook / Roderick Sayeba