Ftit sigħat oħra, f'lejliet il-finali tat-Tazza tad-Dinja, iż-żewġ pajjiżi li fil-jiem li għaddew ma rnexxilhomx jikkwalifikaw mis-semi-finali - l-Ingilterra u Franza - se jkunu qed jiġu ras imb ras f'konfront li r-rebbieħ tiegħu se jkun qed jingħata t-tielet post f'dan il-kampjonat dinji.
Kemm fost il-partitarji kif ukoll fost il-plejers taż-żewġ timijiet nazzjonali, tqanqal dibattitu dwar kemm hi relevanti din il-partita. Dan fl-isfond tad-diżappunt li dawn il-plejers bħalissa jkunu qed jaffaċjaw wara li tilfu kull tama li dis-sena jkunu huma li jerfgħu t-trofew tat-Tazza tad-Dinja.
Dwar dan tkellem fost oħrajn il-kowċ tat-tim Ingliż Thomas Tuchel li saħaq li "ħadd mill-plejers ma jrid jilgħab din il-logħba... in-natura kompetittiva tal-futbol titlob li wieħed jistenna l-aħjar minnu nnifsu, u allura l-plejers xtaqu u għamlu li setgħu sabiex ikunu fil-finali, mhux f'din il-logħba".
Franza ma rnexxiliex tgħaddi għall-finali wara li nhar it-Tlieta li għadda, kontra kull aspettattiva, ġarrbet telfa mat-tim nazzjonali Spanjol bi skor ta' 2-0.
Min-naħa 'l oħra, l-Ingilterra tilfet postha fil-finali wara li t-tim nazzjonali Arġentin irnexxielu jirkupra fl-aħħar minuti u b'hekk temm is-semi-finali favur tiegħu bi skor ta' 2-1.
Intom se ssegwuha l-partita tal-lejla?
Facebook / FIFA World Cup