B’messaġġ emozzjonanti fuq il-midja soċjali, Dasier D'Amato ħabbar li qed jagħlaq kapitlu importanti minn ħajtu hekk kif mhux se jibqa’ jaħdem bħala għalliem. Hu stqarr li t-tislima lill-istudenti tiegħu kienet ferm aktar diffiċli milli qatt seta’ jimmaġina, hekk kif il-klassi kienet saret ħafna aktar minn sempliċement post tax-xogħol.
"Kien ferm aktar diffiċli milli qatt stennejt. Li ngħid addiju lill-istudenti tiegħi kien ifisser li ngħid addiju lill-klassi li għenitni ngħaddi minn wieħed mill-aktar kapitli diffiċli ta’ ħajti," kiteb. Dasier spjega li l-istudenti tiegħu kienu miegħu fi żmien partikolarment diffiċli, ħafna drabi mingħajr ma kienu jafu x’kien għaddej minnu.
"It-tbissim tagħhom, id-daħk tagħhom, il-mistoqsijiet bla tmiem tagħhom u anke l-isfidi tawni raġuni biex nibqa’ għaddej meta kelli l-aktar bżonnha," qal. Huwa rrakkonta wkoll kif f’kull lezzjoni pprova jgħaddi lill-istudenti l-valuri li għallmitu ommu. "Kuljum ippruvajt nagħtihom dak li għallmitni ommi: il-qalb tajba, il-paċenzja, il-kompassjoni u t-twemmin li kull persuna jistħoqqilha tkun meqjusa, mismugħa u maħbuba. F’ħafna modi, hi kienet preżenti f’kull lezzjoni li kont ngħallem," kiteb.
B’qalbu maqsuma, Dasier żvela li għalaq il-bieb tal-klassi tiegħu għall-aħħar darba. "Illum għalaqt il-bieb tal-klassi tiegħi għall-aħħar darba. Mhux se nibqa’ għalliem." Huwa ammetta li dawn il-kelmiet huma diffiċli ħafna biex jiktibhom, għax it-tagħlim qatt ma kien biss professjoni għalih.
"It-tagħlim qatt ma kien sempliċement xogħol – sar parti minn min jien. Sar il-post sigur tiegħi, l-iskop tiegħi u l-mod kif stajt nonora lil ommi billi ngħaddi l-valuri li kienet għallmitni lil kull student li daħal fil-klassi tiegħi." Filwaqt li qal li s-sena d-dieħla se tkun diffiċli għax mhux se jibqa’ jidħol fil-klassi u jilqa’ lill-istudenti tiegħu, sostna li xi deċiżjonijiet huma impossibbli biex tispjegahom.
"Xi deċiżjonijiet huma impossibbli biex tispjegahom, speċjalment meta qalbek tgħidlek tibqa’, iżda l-ħajja tkun qed titolbok timxi ’l quddiem." Huwa temm il-messaġġ billi rringrazzja lill-istudenti kollha tiegħu. "Lil kull student tiegħi – grazzi. Forsi qatt ma tirrealizzaw tassew, imma intom għentu lill-għalliem tagħkom daqskemm nittama li jien għent lilkom. Insellem lil klassi. Grazzi talli tajtuni wħud mill-isbaħ memorji ta’ ħajti."
Facebook / Dasier D’Amato