Wara waqfa ta’ tmien snin, F'Casal Fornaro se jagħmel ir-ritorn tant mistenni tiegħu f’Ħal Qormi. Il-festival se jsir il-Ġimgħa 18 u s-Sibt 19 ta’ Settembru 2026, b’żewġ serati li se jiċċelebraw l-ikel, il-kultura u t-tradizzjonijiet li għalihom hija magħrufa l-lokalità. Din id-darba, aħjar tmorru bil-ġuħ! L-ikel se jerġa’ jkun wieħed mill-protagonisti ewlenin tal-attività, b’esperjenza kulinarja kkoordinata minn Maypole, wieħed mill-fundaturi tal-festival.

Fost l-għażliet Maltin se jkun hemm il-ftira tradizzjonali, majjal mixwi bil-patata l-forn, ravjul, tripa, laħam taż-żiemel u fenek. It-tradizzjoni se tingħata wkoll laqta differenti permezz ta’ burger bil-mazzit Malti, filwaqt li attrazzjoni oħra se tkun pudina tal-ħobż ġganteska.

Din is-sena, Malta se tiltaqa’ wkoll ma’ Sqallija. Pizzaioli minn Enna se jkunu qed jippreparaw pizza tradizzjonali bi prodotti magħżula minn Sqallija u moħmija fi fran tal-ħatab. Koki Taljani se jippreparaw ukoll ravjul bil-pesto tal-pistaċċi minn Bronte, filwaqt li bejjiegħa minn din il-belt magħrufa għall-pistaċċi tagħha se joffru diversi prodotti gourmet.

Ħasbu wkoll f’dawk li huma coeliac, hekk kif pizzaiolo mistieden minn Sqallija se jkun qed jipprepara pizza gluten-free friska fuq il-post. L-istreet food se jkompli jżid mal-għażla b’focaccias mimlijin b’salami lokali, sfineġ u stazzjon tal-Pasteca b’għaġin magħmul minn qmuħ magħżula. Naturalment, mhux se jonqos il-ħelu: kannoli b’mili differenti, imqaret bil-ġelat Malti, granita, ġelati u shakes gourmet.

F’Casal Fornaro, li l-aħħar edizzjoni tiegħu saret fl-2018, jiċċelebra r-rabta storika ta’ Ħal Qormi mal-ħobż u l-ħami, filwaqt li jlaqqa’ flimkien it-tradizzjoni lokali ma’ atmosfera ta’ festa. Għalhekk, il-Ġimgħa 18 u s-Sibt 19 ta’ Settembru, Ħal Qormi se jerġa’ jinbidel f’destinazzjoni għal dawk kollha li jħobbu l-ikel Malti u Mediterranju. U b’din l-għażla kollha, għal weekend wieħed id-dieta jaf ikollha tistenna!
