Il-preżentatriċi u attriċi Maltija Marbeck Spiteri illum qed tiċċelebra għeluq l-64 sena tagħha. Hija twieldet fil-Ħamrun bħal-lum, l-14 ta’ Mejju tal-1962.
Għal bosta snin, Marbeck Spiteri kienet waħda mill-uċuħ l-aktar magħrufa fid-dinja tad-divertiment lokali, fejn ħalliet il-marka tagħha bħala kantanta, attriċi u preżentatriċi kemm fuq ir-radju kif ukoll fuq it-televiżjoni. L-imħabba tagħha lejn il-palk bdiet minn meta kienet għadha żgħira, wara inkoraġġiment li rċeviet minn persuna qrib il-familja tagħha.
L-ewwel passi tagħha fil-festivals kienu fiż-Zecchino D’Oro li kien sar fil-Istitut Kattoliku, fejn spikkat bil-kanzunetta “Extra Musicale” u kisbet it-tielet post. Aktar tard kompliet tibni l-esperjenza tagħha permezz ta’ festivals fi Sqallija, fosthom Stella d’Oro u Stella di Bethlehemme.
Fix-xandir, Marbeck ħadmet ma’ ismijiet magħrufa bħal Hector Bruno u David Azzopardi fil-programm TV Studio, filwaqt li kienet ukoll vuċi familjari fuq ir-radju u preżenza kostanti fuq il-palk Malti. Fid-dinja tar-reċtar, ħafna jassoċjawha ma’ produzzjonijiet televiżivi popolari bħal Dejjem Tiegħek Becky, Santa Monika u Ara Doris!.
Fil-ħajja personali tagħha, Marbeck hija omm ta’ Keith u Mark u nanna ta’ John. Hija wkoll iz-zija tal-kantanta Maria Spiteri. Illum il-ġurnata tibqa’ attiva fix-xandir permezz tal-programmi tagħha fuq Net FM, wara snin twal tippreżenta wkoll programmi televiżivi magħrufa bħal Indifest u Life&Style.
F’isem it-tim ta’ Gwida, nawguraw lil Marbeck l-isbaħ xewqat f’dan il-jum speċjali u nittamaw li jkollha sena mimlija saħħa, hena u kuntentizza f’qalbha! Awguri!
Facebook / Marbeck Spiteri