Iċ-ċkejken Lydon ilbieraħ ġibed l-attenzjoni ta’ Malta u Għawdex kollha u nistgħu ngħidu wkoll li seraq qalb kulħadd bit-tbissima mill-isbaħ tiegħu u bl-innoċenza ħelwa meta bla tlaqliq ta’ xejn wieġeb għall-mistoqsijiet li għamlulu l-ġurja waqt Malta’s Got Talent.
Iċ-ċkejken Lydon flimkien ma’ missieru Jomike esebixxew it-talent tal-għana fuq Malta’s Got Talent. Dan hu talent purament Malti, talent tradizzjonali li hu tagħna. Lydon seraq l-attenzjoni ta’ kulħadd għax mhux xi xena komuni li tara ġuvintur jgħannu llum il-ġurnata aħseb u ara tifel ta’ ħames snin.
Gordon tant kien impressjonat bit-talent taċ-ċkejken li kompla qisu raġel żgħir ma’ missieru li spiċċa għafas il-golden buzzer għaċ-ċkejken u missieru. F’kumment li ħalla fuq il-midja soċjali tagħna Gordon qal, “Inħossni kburi wisq li f’programm bħal dan kelli ċ-ċans nara u niltaqa’ ma’ talent purament Malti.”
Hu jkompli jisħaq, “Hija xi ħaġa mill-isbaħ illi missier jgħaddi t-talent tiegħu lill-uliedu. U hija xi ħaġa aktar imprezzabbli illi dan il-missier qed jgħaddi tradizzjoni u parti mill-kulutra tagħna liċ-ċkejken Lydon, illu żgur mhux forsi ħafna Maltin iħossuhom kburin bih. Mument indimentikabbli li ħa nibqa’ ngħożż għal ħajti kollha.”
Facebook / Malta’s Got Talent