Il-mewt ta’ Alvaro Vitali ħasdet lil ħafna li kiber jara l-films tiegħu li kienu jnisslu tbissima fuq fomm kulħadd. Il-komiku Taljan, magħruf l-aktar għall-irwol ikoniku tiegħu bħala Pierino, miet f’Ruma fl-età ta’ 75 sena.
Vitali kien wieħed mill-uċuħ l-aktar popolari fil-kummiedji Taljani tas-snin 70 u 80. Bil-mod uniku tiegħu ta’ kif jitkellem, l-espressjonijiet mimlija ħajja u l-umoriżmu bla tlaqliq, huwa rnexxielu jidħol f’qalb il-pubbliku, speċjalment f’films bħall-Pierino contro tutti, Pierino medico della Saub, u oħrajn li għadhom jiġu msemmija b’nostalġija sal-lum.
F’Malta wkoll, ħafna jiftakruh bħala parti mill-memorji tat-tfulija u l-familja, wara kollox, min ma rax film ta’ Pierino fil-weekend fuq it-TV? Għal bosta, kienu dawk il-mumenti fejn tidħak bis-sempliċità, anke jekk iċ-ċajt seta’ kien jinftiehem differenti mill-adulti.
Il-mewt tiegħu ħalliet vojt fis-sens ta’ ċertu umoriżmu tradizzjonali li llum rari naraw. Alvaro Vitali – grazzi tas-sens ta’ umoriżmu li qsamt magħna. Strieħ fis-sliem.
Facebook / Anna Galeazzo