In-Nisa F'Malta Għadhom Jitħallsu Inqas Mill-Irġiel – Kemm Hi D-Differenza Bejn Is-Sessi?

Pajjiżna jidher li għadu kemxejn lura meta mqabbel ma’ oħrajn dwar l-ammont ta’ paga li impjegat jirċievi fuq il-post tax-xogħol. Jidher li mpjegati li jagħmlu l-istess xogħol jew xogħol ta’ valur ugwali f’Malta qed jitħallsu inqas. Jekk raġel jaqla’ €1, mara tkun qed taqla’ 90ċ.

Rapport li ħareġ mill-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol juri li hemm 12-il stat membru tal-Unjoni Ewropea li ma implimentaw l-ebda miżura proposta mill-Kummissjoni.

L-istess rapport jgħid li m’għandhom ebda pjan biex jagħmlu dan. Malta hija wieħed minn dawn il-pajjiżi flimkien mal-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, l-Ungerija, il-Latvja, ir-Rumanija, il-Polonja, is-Slovakkja u s-Slovenja.

Ir-rapport jgħid li l-pandemija kienet ir-raġuni għal numru ta’ pajjiżi li ma implimentaw xejn iżda hemm pajjiżi oħra li ma għamlu xejn biex ibiddlu dan il-fattur.

Id-differenza fil-paga bejn is-sessi fil-qligħ gross fis-siegħa fl-Unjoni Ewropea kienet ta’ 14.8% fl-2018. Skont ir-Rapport tal-Gender Pay Gap Report ta’ salariesinmalta.com tal-2020, f’Malta ċ-ċifra hija ta’ 10%, għad-detriment tan-nisa.

La x-xogħol li qed isir hu l-istess, mela n-nisa u l-irġiel għandhom jitħallsu ndaqs. Anqas għandha tkun mistoqsija, iżda sfortunatament naraw li r-realtà hi ferm differenti minn hekk.







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI