“Din hija t-tieni gradwazzjoni li Dun Victor mhux magħna fiżikament… iżda nafu li qiegħed magħna spiritwalment.”
B’dan il-kliem emozzjonanti, id-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt fetaħ il-gradwazzjoni annwali tal-organizzazzjoni, fejn ġie mfakkar il-wirt li ħalla Dun Victor Grech fil-ħidma favur persuni li qed jirkupraw mill-vizzji.
Gatt spjega li kienet ix-xewqa tal-komunità ta’ Caritas li jitħalla siġġu vojt għal Dun Victor bħala simbolu tal-preżenza tiegħu fosthom. “Il-kelma tiegħek ‘Inħobbkom’ tibqa’ tidwi f’qalbna u f’kull azzjoni tagħna,” qal Gatt.
Matul iċ-ċerimonja ngħata ġieħ ukoll lil Joe Gatt, l-ewwel koordinatur ta’ New Hope u wieħed mill-pijunieri tal-programmi ta’ riabilitazzjoni ta’ Caritas, kif ukoll lil Chris Vella, membru tal-istaff li miet fl-età ta’ 39 sena u li baqa’ mfakkar minn ħafna residenti għall-paċenzja u t-tjubija tiegħu.
“Sew Joe kif ukoll Chris ħallew marka li tibqa’ ħajja fil-ħidma ta’ Caritas u fil-ħajja ta’ ħafna persuni li għenu matul is-snin,” sostna Gatt. Il-gradwazzjoni ċċelebrat ukoll il-kisba ta’ sitt persuni li temmew il-programm ta’ riabilitazzjoni. It-tema ta’ din is-sena kienet “Wasalt?”, mistoqsija li, skont Caritas, tfakkar li r-recovery hija vjaġġ kontinwu.
Wieħed mill-gradwati qal li minkejja li wasal għal din it-tappa importanti, jaf li l-vjaġġ tiegħu għadu għaddej. “Ma kontx nemmen li se nasal s’hawn. Illum naf li wasalt, iżda rrid inkompli naħdem għar-recovery tiegħi kuljum,” qal.
Fi tmiem id-diskors tiegħu, Gatt irringrazzja lill-familji, lill-voluntiera u lill-istaff kollha li jagħmlu parti mill-ħidma ta’ Caritas, filwaqt li saħaq li wara kull storja ta’ suċċess hemm komunità sħiħa li tagħti l-appoġġ tagħha biex persuna terġa’ ssib it-triq tagħha fil-ħajja.