Passiġġieri li jivvjaġġaw fl-Ewropa taf dalwaqt se jkunu jistgħu jġorru bagalja tal-kabina mingħajr ma jħallsu tariffi addizzjonali. Proposti ġodda appoġġjati mill-Unjoni Ewropea qed jissuġġerixxu li kull passiġġier ikun intitolat iġorr baskett personali li jitpoġġa taħt is-seat u bagalja li toqgħod fil-kabina sa 7 kilogrammi mingħajr ħlas żejjed.
Jekk jiġu approvati, dawn ir-regoli jistgħu jolqtu lil linji tal-ajru low-cost bħal Ryanair u easyJet, li bħalissa jitolbu ħlas għal bagalji li jinħażnu fil-kompartimenti ta’ fuq il-kabina. Dawk favur il-proposta jgħidu li din se ssaħħaħ id-drittijiet tal-passiġġieri, filwaqt li oħrajn qed iwissu li l-ispejjeż jistgħu jispiċċaw jiġu riflessi fil-prezzijiet tal-biljetti.
Il-proposta għadha trid tgħaddi mill-proċess leġiżlattiv Ewropew qabel ma ssir liġi. Jekk tiġi approvata, tista’ tidħol fis-seħħ mill-2027 għal titjiriet fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Taħseb li l-bagalja tal-kabina għandha tkun inkluża fil-prezz ta’ kull biljett?