Aħna ta’ Gwida.mt, iltqajna ma’ mara li spiratna ħafna. Jisimha Miran Sapiano u bħalissa qed tistudja biex issir tanatoloġista, jiġifieri xi ħadd li jkun speċjalizzat fuq il-mewt u li għandhom il-kapaċità jakkumpanjaw persuni li jkunu għaddejjin minn mumenti diffiċli fil-ħajja tagħhom. Fi kliem sempliċi xi ħadd li jieħu ħsieb il-funerali.
Miran hija diġà spiżjara u l-bżonn li tkun hemm għan-nies u tieħu ħsiebhom minn dejjem kien il-faxxinu tagħha. Però Miran tixtieq tieħu din il-ħaġa fuq livell ieħor. Tixtieq li tagħti sapport lin-nies li għaddejjin minn xi telfa. “Meta aħna nkunu qed noffru servizz ta’ funeral, fejn qed ngħinu lil familja torganizza l-funeral għal xi ħadd speċjali, aħna għandna nidħlu aktar personali. Tipprova tkun ta’ sapport kemm qabel, waqt u anke wara l-funeral” tgħidilna Miran.

F’Settembru li għadda, Miran kienet qed taħdem ma’ kumpanija tal-farmaċewtika u għalqet. Għall-bidu ħaditha ftit bi kbira anke peress li qed tistenna t-tieni tarbija tagħha. Imma, “…Inħobb inkun pożittiva u minn kull sitwazzjoni nipprova noħroġ il-pożittiv. Bdejt ninkoraġġixxi lili nnifsi li issa ġejja t-tarbija u wara nsib xogħol ieħor”.
Biss kien hemm li bdiet tinteressa ruħha fuq ix-xogħol ta’ missierha u kif tista’ ttejbu. “Il-papà hu l-mudell ideali ta’ ħajti! Missieri mhux raġel ta’ skola, però dejjem irnexxielu jagħmel dak li ħolom u wasal bil-ħila tiegħu. Missieri qatt ma stenna li jien minn karriera ta’ spiżjara ħa tiġi f’moħħi li nagħmel xi ħaġa hekk” tisqarr magħna Miran.

Imma ma tħosshiex skomda li waqt li qed tistenna tarbija qed titkellem fuq il-mewt?
“Vera qed nistenna tarbija imma dan ix-xogħol idaħħlek fil-ħajja vera x’inhi. Hija ħaġa normali li nitwieldu u b’xi mod irridu mmutu, jekk naċċettaw din il-ħaġa, ngħixu aktar komdi” tgħidilna Miran. Hi tiftaħ qalbha kif hi stess kienet tilfet tewmin ta’ erba’ xhur tqala.
“Napprezza ħafna l-miraklu tal-ħajja. Meta għaddejt minn dik l-esperjenza kerha tat-tewmin ma tantx sibt sapport. Il-ħolma tiegħi hi li apparti nkun speċjalizzata li ngħin lil dawn in-nies li għaddejin minn żmien diffiċli, nixtieq ngħin lil dan il-grupp ta’ ommijiet li tilfu t-tfal tagħhom” – Miran.

F’Malta hawn ftit nisa li jagħmlu dan ix-xogħol, biss Miran tixtieq tkun l-ewwel waħda kwalifikata. “Dan ix-xogħol normalment hu assoċjat mal-irġiel. Jien nixtieq inkun l-ewwel “funeral undertaker” ċertifikata. Nemmen li l-irwol ta’ mara f’dan il-mistier ser tagħmel differenza kbira. Fejn jidħlu dawn il-mumenti delikati fil-ħajja, nemmen li l-mara għandha don speċjali. Iktar ma taħseb, it-twelid u l-mewt għandhom x’jaqsmu ħafna flimkien. Iċ-ċirklu tal-ħajja bażikament!” tagħlaq l-intervista Miran.
Aħna nawguraw lil Miran l-isbaħ xewqat kemm fix-xogħol il-ġdid tagħha u anke għall-preparazzjoni tat-tieni wild tagħha.