Il-kap tal-iskola Lelio Spiteri rrakkonta ġrajja ħelwa li ġratlu ftit tal-jiem ilu fejn it-tfal bl-innoċenza kollha tagħhom staqsew xi ħaġa lill-Prim Ministru Robert Abela li tefgħet tbissima fuq fomm kulħadd.
Hu spjega, “Tafu li kellna l-inawgurazzjoni tal-iskola l-ġdida tagħna xi ftit tal-jiem ilu. Saru bosta preparamenti minn qabel. Fost l-oħrajn, għażilna żewġ studenti biex jilqgħu lill-Prim Ministru u jdawruh huma mal-binja. Għamilna l-provi, għal darba tnejn u anke tlieta. Waslet il-ġurnata. Hekk kif il-Prim Ministru daħal mill-bieb ewlieni, l-istudent tagħna qallu, ‘Ara l-Prim Ministru. Inti l-Prim Ministru. Lydia fejn hi?’ Ma nikkummentax dwar ir-reazzjoni fuq wiċċ kull min kien qrib. Xejn ma joqgħod ħdejn l-innoċenza u l-ħlewwa tat-tfal.”
Ma tistax ma titbissimx ftit meta tisma dwar din l-istorja. Kemm huma ħelwin u innoċenti t-tfal!
Facebook / Lelio Spiteri