“Ir-Riżultati Jistgħu Jkunu Tal-Biża’, U Iva, Il-Mammogrammi Jaf Ikunu B’Uġigħ… Imma Hawn L-‘Imma’ Hi Kbira… Jistgħu Jsalvaw Ħajja.” – Martina Zammit

Il-preżentatriċi tar-radju Martina Zammit fetħet qalbha dwar esperjenza personali li ħafna nisa jistgħu jirrelataw magħha – il-biża’ mill-appuntament mediku annwali.

Fuq il-midja soċjali, Martina ammettiet li tħoss skumdità kull meta jasal iż-żmien għat-testijiet ta’ rutina. “Il-verità hi li nirrabja għax naf li r-riżultati jistgħu jkunu ta’ xokk, u iva, il-mammogrammi jaf ikunu ftit b'uġigħ,” kitbet. Iżda hija fakkret lin-nisa kollha li dawn l-appuntamenti  jistgħu jsalvaw il-ħajja.

Martina rrakkuntat kif flimkien ma’ ħabibtha Rachel iddeċidew li minflok il-laqgħa tradizzjonali fuq kikkra kafè, din id-darba għamluha “boobies date” – jiġifieri marru flimkien biex jagħmlu l-mammogramm.

B’dan il-post sempliċi imma sinifikanti, Martina appellat lin-nisa li għalqu l-erbgħin biex jibdew jagħmlu dawn it-testijiet regolarment. “Il-futur tiegħek se jirringrazzjak,” qalet, filwaqt li enfasizzat kemm hu importanti li ma nittraskurawx saħħitna.

Il-mammogrammi huma meqjusa bħala għodda kruċjali fil-prevenzjoni u skoperta bikrija tal-kanċer tas-sider. Skoperta kmieni tfisser trattament aktar effettiv u ċans akbar ta’ fejqan.

Il-messaġġ ta’ Martina jagħmel kuraġġ lil ħafna nisa li, bħaliha, jistgħu jħossu ċertu biża’ jew ansjetà dwar dawn il-kontrolli. Fl-aħħar mill-aħħar, kif tfakkar hi, saħħitna tiġi l-ewwel u li tittestja tista’ ssalvalna l-ħajja.

Agħfas HAWN biex tara l-post tagħha!

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI