Corinne u Nina jieħdu ħsieb xelter tal-annimali li jospita 113-il żiemel. Waqt il-programm Mal-Erbat Irjieħ, huma jitkellmu dwar l-isfida ewlenija li qed jaffaċjaw biex isibu l-voluntiera fl-isfond tas-sħana tremenda li qed tolqot lill-gżejjer Maltin bħalissa.
"Mhux faċli li ssib lil xi ħadd li minflok imur ġurnata baħar, jiġi ġurnata hawn inaddaf u jieħu ħsieb liż-żwiemel," tirrimarka Corinne li wieħed jista' evidentament jara l-passjoni li għandha lejn iż-żwiemel.
Corinne tispjega l-ħidma li titwettaq b'mod regolari f'dan ix-xelter. "Hemm ħafna xogħol fiżiku xi jsir... ta' kuljum naraw li naħslu l-istalel, nisqu u nitimgħu liż-żwiemel kollha, u wara naraw ukoll li nqattgħu ftit ħin individwali maż-żwiemel fejn naħsluhom, noħorġuhom, nirkbuhom u naraw li ma jkunu nieqsa minn xejn," tispjega Corinne.
Nina titkellem ukoll dwar ir-relazzjoni speċjali li huma jibnu maż-żwiemel. Tispjega kif kull żiemel huwa differenti u għandu l-personalità tiegħu, anke jekk stess f'għajnejn ħafna jistgħu kollha jidhru l-istess.
Prosit lil Corinne u Nina għall-ħidma tagħhom ma' dawn iż-żwiemel.
Facebook / TVM