Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici ħabbar tliet bidliet pożittivi fl-iskema tal-First Time Buyers bl-iktar waħda importanti tkun dik li bis-saħħa tagħha se tirdoppja l-għajnuna mogħtija għal €20,000 f'każ ta' persuni b'dizabilità.
L-iSkema tal-First Time Buyers tipprovdi għajnuna ta' €1,000 fis-sena għal perjodu ta’ għaxar snin u dan sabiex jiġu assistiti familji żgħażagħ fl-ewwel snin wara li jkunu xtraw l-ewwel dar tagħhom. Għal persuni b’diżabilità, issa din l-għotja se tiżdied għal €20,000.
Din hija waħda mill-miżuri mħabbra fil-Manifest Elettorali u li qed jiġu implimentati fl-ewwel 100 jum tal-Gvern, u, fi kliem il-Ministru Bonnici, turi l-impenn li l-għajnuna tkun aktar ġusta u mmirata lejn dawk li għandhom bżonnha l-aktar.
Il-Ministru Bonnici qal li “l-għan tagħna hu li nkomplu nagħtu għajnuna konkreta lill-familji biex aktar nies ikunu jistgħu jsiru sidien ta’ darhom. B’dan il-pakkett ta' tliet bidliet qed insaħħu l-għajnuna għal persuni b’diżabilità, filwaqt li nkomplu naġġornaw l-iskemi tagħna skont ir-realtajiet u l-bżonnijiet tal-familji tal-lum.”
Il-Ministru Bonnici tkellem dwar it-tieni estensjoni għall-iskema u ħabbar li f’każijiet fejn proprjetà tkun ġiet mogħtija b’donazzjoni wara l-2022, iżda sussegwentement ikun ittieħed self għall-bini jew għat-tlestija tal-istess dar, issa l-familji se jkunu jistgħu jibbenifikaw minn €1,000 fis-sena għal perjodu ta’ għaxar snin huma wkoll.
Barra minn hekk, l-għotja se tkun estiża wkoll għal xerrejja oħra li ma jkunux first-time buyers, sakemm il-proprjetà li jkunu xtraw tkun ir-residenza primarja u unika tagħhom u ma jkollhomx proprjetajiet oħra. Din it-tielet bidla għalhekk se tkun qed tindirizza sitwazzjonijiet differenti fosthom persuni separati li jkollhom bżonn jixtru proprjetà ġdida biex din isservi bħala r-residenza primarja tagħhom.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa qal, "Wara kull applikazzjoni hemm persuna jew familja li tkun qed tipprova tibni ħajjitha fis-sigurtà ta’ dar tagħha. Għalhekk irridu nkunu kapaċi nifhmu li mhux kulħadd jibda mill-istess punt u li ċ-ċirkostanzi tal-ħajja jinbidlu. L-emendi li qed inħabbru llum huma maħsuba proprju biex l-għajnuna tasal b’mod aktar ġust għand min għandu bżonnha, inkluż persuni b’diżabilità, persuni separati u familji li sabu ruħhom f’realtajiet differenti. Għalina, politika tajba tal-akkomodazzjoni tfisser li nisimgħu lin-nies, nifhmu r-realtàjiet tagħhom u nadattaw l-iskemi tagħna biex aktar persuni jkollhom opportunità reali li jsiru sidien ta' darhom."
F’Malta tirriżulta kultura b’saħħitha ta’ sidien ta’ djar, b’madwar 85% tal-familji Maltin ikunu sidien tal-proprjetà tagħhom. Din tibqa’ waħda mill-aspirazzjonijiet ewlenin tal-familji, partikolarment taż-żgħażagħ li jkunu qed jagħmlu dan il-pass importanti f’ħajjithom.
L-Awtorità tad-Djar toffri portafoll wiesa’ ta’ skemi biex jgħin lill-familji jsiru sidien ta’ darhom u jsaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jlaħħqu mal-ispejjeż marbuta max-xiri u ż-żamma tal-proprjetà. Bħala medja, kuljum familja waħda tkun qed tibbenefika minn xi waħda mill-iskemi tal-Awtorità tad-Djar biex tkun tista’ ssir sid ta’ darha.