It-Temp Mistenni Jmur Għall-Agħar Aktar Tard Illum – Possibbiltà Għolja Ta’ Xita Matul Il-Lejl

Skont l-aħħar tbassir ippubblikat mill-paġna Aġġornament tat-Temp, il-ġurnata tal-lum, il-Ġimgħa 27 ta’ Novembru, mistennija tkun waħda pjuttost imsaħħba, bis-sitwazzjoni tat-temp mistennija tmur għall-agħar hekk kif joqorbu l-ħinijiet ta’ filgħaxija. Filwaqt li matul il-ħinijiet ta’ filgħodu s-sema mistenni jkun imsaħħab, wara nofsinhar mistenni jiżdied is-sħab. Għalkemm fl-ewwel parti tal-ġurnata mhux mistennija xita, it-tbassir jindika li s-sitwazzjoni se tinbidel lejn tmiem il-jum.

Wara s-sitta ta’ filgħaxija hemm possibbiltà għolja ta’ xi xita, filwaqt li wara s-sebgħa ta’ filgħaxija mistennija tinżel ix-xita, li mistennija tkompli matul il-lejl. Apparti x-xita, mistenni wkoll li r-riħ iżid fil-qawwa tiegħu. Filgħodu r-riħ mistenni jkun mit-tramuntana għall-grigal b’forza 3, filwaqt li wara nofsinhar idur għall-majjistral tramuntana b’forza 4. Tard filgħaxija u matul il-lejl, ir-riħ mill-majjistral mistenni jilħaq forza 4 għal 5.

F’dak li għandu x’jaqsam mat-temperaturi, dik massima mistennija tilħaq il-21°C, filwaqt li dik minima mistennija tinżel għal 16°C. Hekk kif ninsabu fi tmiem il-ġimgħa u ħafna jkunu qed jagħmlu l-pjanijiet tagħhom għal xi ħarġa, tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu dan it-tbassir, speċjalment jekk għandu xi attività ppjanata fil-beraħ.

Jekk ħsiebkom li toħorġu llejla, aħsbu biex tieħdu l-umbrella magħkom!

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI