It-tim Malti Team Cutting Edge kiseb riżultat mill-aqwa waqt il-kompetizzjoni prestiġjuża Centomiglia del Lario, li saret fuq il-Lag ta’ Como fl-Italja, fejn ħadu sehem madwar 50 dgħajsa. It-tim, immexxi minn Steve Bezzina bħala pilota u David Borg bħala kopilota, irnexxielu jikseb it-tielet post fil-klassi Diporto Performance, meqjusa bħala l-aktar kategorija veloċi ta’ dgħajjes b’buq f’forma ta’ V (V-Hull) f’din il-kompetizzjoni.

Iżda s-suċċess tat-tim Malti ma waqafx hemm, hekk kif Team Cutting Edge kiseb ukoll il-ħames post fil-klassifika ġenerali, fost il-parteċipanti kollha li ħadu sehem f’din it-tellieqa internazzjonali. Dan ir-riżultat huwa xhieda tad-determinazzjoni, il-ħila u l-preparazzjoni tat-tim Malti, li rnexxielu jħalli impatt pożittiv f’kompetizzjoni magħrufa għal-livell għoli tagħha.
Fi tmiem it-tellieqa, il-membri tat-tim esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għall-prestazzjoni li taw, filwaqt li ddeskrivew din l-esperjenza bħala waħda eċċitanti u mimlija sfidi. Il-parteċipazzjoni ta’ Team Cutting Edge f’din il-kompetizzjoni kienet possibbli wkoll grazzi għall-appoġġ ta’ VisitMalta u Vibe FM, li taw il-kontribut tagħhom biex it-tim ikun jista’ jirrappreżenta lil Malta f’dan l-avveniment sportiv.

Prosit lil Steve Bezzina, David Borg u lil dawk kollha involuti f’Team Cutting Edge għal dan is-suċċess li jkompli jpoġġi lil Malta fuq il-mappa internazzjonali tal-isport tal-powerboats!