“Iva Hemm Dħul… Iżda L-Ispejjeż Splodew” – Sean Gravina Jitkellem Dwar Ir-Realtajiet Li Qed Jaffaċċjaw Dak Li Qegħdin Fil-Qasam Tal-Catering

Il-kok u personalità lokali Sean Gravina reġa’ qajjem diskussjoni importanti dwar ir-realtà li qed jiffaċċja l-qasam tal-catering f’Malta.

Huwa spjega kif fl-aħħar ġimgħat iltaqa’ ma’ diversi sidien ta’ negozji Maltin, kollha bl-istess tħassib, hemm moviment u dħul, iżda l-ispejjeż splodew. Wara l-pandemija, żdiedu drastikament il-kirjiet, il-prezzijiet tal-prodotti, il-kontijiet u l-pagi. Skontu, ma jagħmilx sens li fuq il-karta jidher li hemm dħul sabiħ, meta fl-aħħar mill-aħħar il-qligħ qed jispiċċa jittiekel kollu mill-ispejjeż li dejjem qed jogħlew.



Gravina sostna li l-VAT illum ma jirriflettix ir-realtà tal-industrija tal-catering. F’diversi pajjiżi oħra qed jittieħdu passi biex jitnaqqas il-piż fiskali fuq dan is-settur sabiex jingħata nifs lin-negozji u jitjieb il-cash flow tagħhom. “Mhux qed nitolbu privileġġ, imma nifs,” enfasizza, filwaqt li wissa li mingħajr spazju finanzjarju adegwat, xi negozji jistgħu jsibuha diffiċli biex jibqgħu għaddejjin.



Punt ieħor li semma huwa dak tat-taxxa. Huwa qal li sid Malti jħallas 35%, filwaqt li ċertu strutturi barranin jistgħu jispiċċaw iħallsu rata ferm iżgħar. Filwaqt li ammetta li din is-sistema nħolqot biex tattira industriji kbar lejn Malta, staqsa jekk huwiex ġust li l-istess mekkaniżmu japplika wkoll fil-qasam tal-catering, fejn sidien Maltin qed jikkompetu ma’ operaturi b’piż fiskali ħafna inqas.

Skont Gravina, suq miftuħ u varjat huwa pożittiv, iżda għandu jkun wieħed ibbażat fuq bilanċ u ġustizzja. Huwa wissa li jekk ma jsir xejn, hemm ir-riskju li fis-snin li ġejjin dan is-settur ikun dominat minn strutturi barranin, filwaqt li n-negozji Maltin jispiċċaw f’pożizzjoni aktar dgħajfa f’pajjiżhom stess.

Huwa temm billi qal li l-messaġġ tiegħu mhuwiex attakk, iżda sejħa għal riflessjoni serja u azzjoni konkreta, sabiex il-qasam tal-catering jibqa’ wieħed b’saħħtu, sostenibbli u ġust għall-Maltin ukoll.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI