Il-vjaġġ ta’ Jason Micallef ma’ Mużika Mużika – Festival tal-Kanzunetta Maltija wasal fi tmiemu, kapitlu li hu stess jiddeskrivih bħala wieħed mimli sodisfazzjon, memorji sbieħ u sens qawwi ta’ legat kulturali. F’kitba emozzjonanti, Micallef spjega kif dan il-proġett, li beda bħala ħolma f’sena diffiċli bħal dik tal-pandemija, illum sar l-akbar festival tal-mużika Maltija.
Mużika Mużika twieled f’Marzu tal-2021, fi żmien meta d-dinja kienet għaddejja minn sfidi bla preċedent. Minkejja dan, il-kunċett irnexxielu jqanqal mill-ġdid l-imħabba tal-poplu Malti lejn il-Kanzunetta Maltija, li għal kważi għoxrin sena kienet nieqsa minn festival nazzjonali li jagħtiha l-ġieħ li jixirqilha.
“Kont ilni noħlom u nikkumbatti biex dan l-imbierek Festival tal-Kanzunetta Maltija jirritorna, wara li kien ilu li għosfor mill-2002. Kważi 20 sena, ħaġa li qatt ma fhimt u lanqas aċċettajt.”
Micallef irrakkonta kif, sa mill-2018, flimkien ma’ diversi kollaboraturi, beda jaħdem bis-sħiħ biex il-festival jerġa’ jittella’ b’mod professjonali u b’baġit adegwat. Din il-ħidma wasslet biex fis-sajf tal-2020 ġiet imħabbra uffiċjalment l-ewwel edizzjoni ta’ Muzika Muzika, flimkien mal-ħatra tal-ewwel bord tal-festival.
Tul is-snin, il-kontribut tiegħu ma kienx limitat biss għall-viżjoni ġenerali, iżda kien jinkludi wkoll ir-responsabbiltà għall-għażla tal-preżentaturi, is-scripting, il-ħsieb u l-plotting tal-isketches, kif ukoll il-koordinament ta’ diversi elementi kreattivi oħra li sawru l-identità unika tal-festival.
“Il-vjaġġ u l-esperjenzi tiegħi f’‘Muzika Muzika’ nibqa’ ngħożżhom tul ħajti kollha. Kien wieħed mill-akbar sodisfazzjonijiet ta’ xogħlijiet li ħdimt fuqhom kemm ilni fil-ħajja pubblika.”
Aspett li Micallef juri kburi bih b’mod partikolari hu l-mod kif Mużika Mużika bidel il-kunċett tal-preżentaturi fuq il-palk – minn sempliċi ħabbara tal-kanzunetti għal artisti kompluti li joffru spettaklu sħiħ lill-udjenza. Dan flimkien mal-parteċipazzjoni tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, ta dimensjoni ġdida u prestiġju lill-festival.
Iżda, skont Micallef, l-akbar suċċess ta’ Muzika Muzika ma jitkejjelx biss bin-numri jew bl-udjenzi. “Għalija l-akbar suċċess ta’ ‘Mużika Mużika’ hu l-legat li bnejna u għadu jinbena tal-Kanzunetta Maltija.” Legat li, skont hu, wassal biex il-mużika Maltija terġa’ titla’ fil-quċċata, tindaqq fuq l-istazzjonijiet tar-radju u anke tidħol fid-diskoteki – realtajiet li sa ftit snin ilu kienu kważi impossibbli biex wieħed jimmaġinahom.
B’dawn il-kliem, Jason Micallef jagħlaq kapitlu importanti fil-ħajja professjonali tiegħu, iżda jħalli warajh festival b’saħħtu, identità ċara u futur li jidher wieħed promettenti għall-Kanzunetta Maltija.
“Tgħaqqadna l-mużika, mużika. Tferraħna l-mużika, mużika.”
Facebook / Jason Micallef