Beda uffiċjalment il-proċess ta’ riabilitazzjoni, restawr u konservazzjoni ta’ Villa Guardamangia, ir-residenza fejn il-Prinċipessa Eliżabetta – li aktar tard saret ir-Reġina Eliżabetta II – u l-Prinċep Filippu għexu għal perjodi bejn l-1949 u l-1951.
Il-proġett, li mistenni jdum madwar tliet snin, hu stmat li jiswa aktar minn €12-il miljun. Minnhom, aktar minn €10 miljun ġejjin mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.
Din il-fażi l-ġdida tal-proġett, li segwiet perjodu ta’ ppjanar u preparazzjoni, ġiet immarkata b’żjara mill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u l-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi. Huma ġew akkumpanjati mill-ogħla uffiċjali ta’ Heritage Malta waqt dawra fil-villa.

Il-Ministru Owen Bonnici sostna li dan hu “pass importanti biex il-wirt storiku tagħna, li għandu wkoll dimensjoni internazzjonali permezz tar-rabta mal-familja rjali Ingliża, jibqa’ mħares u aċċessibbli.” Huwa rrefera wkoll għall-fatt li dan hu wieħed minn aktar minn 40 proġett ta’ restawr differenti li qed isiru madwar il-pajjiż.
Dr Bonnici fakkar kif il-proġett ta’ Villa Guardamangia sar possibbli grazzi għall-fatt li l-Gvern akkwista l-proprjetà mingħand il-privat, ressqet l-applikazzjonijiet għall-fondi Ewropej u issa qed twettaq l-impenn biex il-villa tinbidel f’ġawhra għall-poplu u għat-turisti.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi tenna l-importanza tal-appoġġ Ewropew għal proġetti ta’ din ix-xorta li mhux biss isalvaw il-wirt storiku iżda joffru wkoll valur miżjud lill-komunità.

Noel Zammit, Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, qal li l-inizjattiva turi l-impenn tal-entità li l-patrimonju jkun aċċessibbli għal kulħadd. “Dan mhux biss dwar artefatti jew dokumenti, imma dwar memorja kollettiva u binjiet li n-nies għadhom iħossuhom bħala parti mill-passat tagħhom. Meta Villa Guardamangia terġa’ tingħata l-ħajja, indirizz li darba kien privileġġ ta’ ftit isir wirt ta’ kulħadd,” qal.
S’issa saru diversi interventi, fosthom il-mirfud ta’ partijiet tal-faċċata li kienu f’riskju li jaqgħu, tisħiħ tal-istruttura, kif ukoll stħarriġ arkitettoniku dettaljat. Tneħħew tunnellati ta’ materjal abbandunat u ġew salvati statwi u oġġetti domestiċi tas-snin 40 u 50. Skemi dekorattivi fuq il-ħitan nżvelaw biex jiġu restawrati. Ġie wkoll miġbur tagħrif dwar il-kundizzjonijiet ambjentali tal-binja u l-istorja sħiħa tagħha, inkluż xhieda diretta ta’ persuni li għexu jew ħadmu hemm.
Il-villa, li tinkludi 18-il kamra, stalel, xelter taħt l-art u ġnien kbir, se tkun soġġetta għal restawr komprensiv kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra, inkluż installazzjonijiet moderni biex tkun sostenibbli. Minħabba l-istat ħażin tagħha, il-proċess mistenni jkun twil u sfidanti.

Meta jitlesta, il-proġett se joffri esperjenza awtentika lill-viżitaturi, li se jkunu jistgħu jesperjenzaw il-villa kif kienet fis-snin 50 – inkluż wirja żgħira u dokumentarju li se jispjegaw ir-rabta bejn Malta u l-familja rjali fi żmien il-perjodu kolonjali.