Ilbieraħ iċċelebra għeluq sninu Gianluca Cilia, li disa' snin ilu tajjar il-bandiera Maltija fil-Junior Eurovision Song Contest fi Tbilisi, permezz tal-kanzunetta Dawra Tond, kanzunetta li daħlet fil-qalb tal-Maltin u l-Għawdxin, speċjalment fost iż-żgħażagħ.
Wara s-suċċess ta’ din il-kanzunetta, lil Gianluca rajnieh ukoll jirbaħ l-edizzjoni tal-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ bis-silta Ħaġar Qim, li kellha ħoss tassew partikolari.
Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-kantant kompla javvanza kemm fil-qasam mużikali kif ukoll f’dak teatrali. Kompla jistudja l-vuċi, żviluppa t-taħriġ fuq il-pjanu, u ħa sehem f’numru ta’ produzzjonijiet teatrali, inkluż f’partijiet ewlenin ta’ musicals li ttellgħu f’pajjiżna.
Waqt il-programm popolari Brillanti Goes Singers Gianluca kellu suċċess ieħor meta kiseb it-tieni post wara li għeleb diversi sfidi tul il-kompetizzjoni.
Ilbieraħ huwa għalaq 18-il sena, u f’isem it-tim ta’ Gwida.mt nixtiqulu ħafna aktar snin mimlija suċċessi fil-qasam mużikali u teatrali lokali. Awguri Gianluca!