Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, The People of Malta laqqgħu lis-segwaċi tagħhom ma’ Freddie li jdur ħafna postijiet f’Malta u Għawdex jbiegħ il-ħwejjeġ.
Hu qal, “Jekk fadal oħrajn bħali! Jafuni bħala Freddie tal-ħwejjeġ. Bilkemm għadek tara bħali. Jien, il-ħwienet iż-żgħar, il-grocers, kollha spiċċajna jew għad nispiċċaw dalwaqt! Jiena ilni 35 sena b’dan ix-xogħol, li nbiegħ il-bjankerija, tapiti u ħwejjeġ oħra… Nibqa’ sakemm tikkmandani s-saħħa. Ma ngħidx se nieqaf għalissa.”
Żied jgħid, “Il-papa’ kien b’dan ix-xogħol, meta kont tifel kont immur miegħu ngħinu, niġri miegħu. Kienet l-hena tiegħi! Kont għamilt 10 snin naħdem ġo fabbrika, sakemm iddeċidejt li nkompli wara missieri b’dan ix-xogħol. Illum sar iżjed passatemp, biex tgħid qlajt xi ħaġa u qdejt lil xi anzjan li għadhom iffittxuni. Iż-żgħażagħ ma jiġux jixtru mingħandi.”
Qal ukoll, “Indur ħafna postijiet f’Malta u anki Għawdex immur. Hemm Għawdex jafuni bħala ‘il-Multi!’ Is-sabiħ ta’ dan ix-xogħol hu li tiltaqa’ man-nies. Jekk ma jarawniex, hemm min anki jinkwieta u jaħseb li ġrali xi ħaġa! Meta jkun naqra kesħa, il-mara tgħidli m’għandekx ġakketta? Bit-tbissima nweġibha u ngħidilha għandi vann ħwejjeġ!”