Fil-ġimgħa li fiha Malta qed terġa’ tgħix l-atmosfera politika tal-Elezzjoni Ġenerali, il-band lokali The Travellers nediet il-kanzunetta l-ġdida Futur Uliedi, bi kliem li qed iqajjem riflessjoni dwar il-politika, il-futur tal-pajjiż u s-soċjetà Maltija.
Il-kanzunetta toħroġ messaġġ ċar favur l-għaqda u l-ħarsien tal-ġid komuni, b’enfasi fuq il-futur tat-tfal aktar milli fuq il-firdiet politiċi. Fost il-lirika li qed tiġbed l-attenzjoni hemm il-kliem, “inħarsu l-ġid tat-tfal mhux il-kulur”, referenza diretta għall-polarizzazzjoni politika li għal snin twal iddominat il-pajjiż.
Futur Uliedi titkellem ukoll dwar il-poter u r-responsabbiltà tal-poplu, filwaqt li tqajjem mistoqsijiet dwar kif in-nies spiss jispiċċaw “maqbudin taħt nisġa kbira”. Il-kanzunetta tagħti ton emozzjonali u riflessiv, b’tema li ħafna qed jaraw bħala appell għall-għaqda nazzjonali u għal politika aktar iffukata fuq il-ġenerazzjonijiet futuri.
Il-frażi, “L-istorja tibqa’ ddur” tirrepeti ruħha matul il-kanzunetta, u tagħti sens ta’ ċiklu li jerġa’ jirrepeti ruħu f’kull elezzjoni, filwaqt li tfakkar kemm il-passat politiku għadu jinfluwenza l-preżent.
The Travellers ilhom magħrufa li jużaw il-mużika tagħhom biex jindirizzaw temi soċjali u kulturali li jolqtu lill-Maltin, u din il-kanzunetta qed tidher bħala waħda mill-aktar messaġġi diretti tagħhom f’mument sensittiv għall-pajjiż.
Facebook / The Travellers