“Jien Kont Kontra L-Abort, Imma Kif Stajt Inġib Tarbija F’Din Id-Dinja Biex Sempliċiment Tmut?” – Break the Taboo Malta

Għalkemm l-abort f’pajjiżna għadu illegali, dan ma jfissirx li mhuwiex parti mir-realtajiet ta’ ħafna nisa, fejn bosta jkollhom jieħdu ċerti deċiżjonijiet iebsa u f’ħafna drabi kontra qalbhom. Il-maġġoranza ta’ dawk li jkollhom jirrikorru għall-abort ikollhom jagħmlu dan barra minn Malta, jiġifieri dan iżid aktar mal-istress u mat-trawma li tkun qed tesperjenza l-mara.

Break the Taboo hija paġna fejn fiha jaqsmu mas-segwaċi tagħhom stejjer veri ta’ nisa li jkunu għamlu l-abort. Illum qasmu storja vera ta’ mara fejn qalet, “Jien kont kontra l-abort, imma kif stajt inġib tarbija f’din id-dinja biex sempliċiment tmut?” Qasmu wkoll ħolqa b’aktar dettalji dwar din l-istorja, fejn din il-mara spjegat kif inqabdet tqila meta bintha kellha biss sitt xhur. Tkellmet dwar problemi fit-tqala fejn jew kienet se tkorri t-tarbija, jew inkella t-tarbija kienet se tmut ftit ħin biss wara t-twelid.

B’hekk il-mara iddeċidiet li tagħmel dan l-abort għall-ġid tal-familja kollha, minkejja li ma kinitx deċiżjoni faċli jew li xtaqet tagħmel.

Inżommu f’moħħna li stejjer bħal dawn huma komuni aktar milli naħsbu, jiġifieri, irrelevanti l-opinjoni tagħna dwar dan is-suġġett, tajjeb li nifhmu li hawn qed nitkellmu dwar suġġett sensittiv u diffiċli għal bosta nisa.







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI