Is-sena l-oħra Dario Mifsud Bonnici kien wieħed mir-rebbieħa tal-programm ‘Tough Luck’. F’dak il-programm, Dario kien għażel li jilgħab biex jirbaħ ikel għall-qtates kollha tas-santwarju. Dakinhar Dario kien rebaħ bil-kbir, bil-mara tiegħu tikteb fuq Facebook li “Lanqas segħtet timxi l-karrozza” bl-ikel u l-prodotti li kien rebaħ.
Din is-sena Tough Luck ser jirritorna bit-tielet edizzjoni tiegħu! Ta’ kull nhar ta’ Tnejn sejrin niltaqgħu ma’ 3 kompetituri fejn ser jilgħabu għar-rigal li jkun għażlu huma stess. Russell mit-tim ta’ Tough Luck qalilna li … “Din is-sena ġiet mibdula s-sistema tad-dawl. Id-dawl se jkun sinkronizzat mal-mużika biex juri tensjoni, min imiss jilgħab u min inqala”.
Qabel kull logħba jkun hemm filmat qasir fuq kull participant. Fost l-istejjer li se naraw din is-sena hemm:
- Niltaqgħu ma' persuna li għaddiet minn vjolenza domestika u tirrakkontalna l-affarijiet tal-biża' li kienet tgħaddi minnhom.
- Ma omm b’qalb maqsuma għax tilfet lill-binha meta inqata' d-dawl l-isptar.
- Kif ukoll ma' koppja ħelwa ta' 70 sena, li ser jgħidulna kif kienu jinnamraw bil-moħbi. Fil-programm se jitkellem huhom li kien suppost joqgħod għassa magħhom!
Russell qalilna li l-kompetituri ġejjin minn kull qasam tal-ħajja! Fost il-kompetituri li ser naraw hemm accountants, għalliema, nisa tad-dar, pensjonanti, wardens u saħansitra performing drag queen. Din is-sena l-kompetituri huma kollha magħżula però dejjem tista' tapplika għall-edizzjoni tas-sena d-dieħla.
Skond is-survey tal-Awtorita tax-xandir tas-sena l-oħra, ‘Tough Luck’ kien l-aktar programm segwit fl-iskeda tas-sajf fuq l-istazzjonijiet lokali kollha. It-tim ta’ Gwida.mt jawgura ‘Good Luck’ u mhux ‘Tough Luck’ lit-tim tal-produzzjoni għal din l-iskeda.