Żewġ tunnellati ta’ skart inġabaru mill-Port ta’ Marsamxett u ż-żoni tal-madwar waqt clean-up organizzata minn Saving Our Blue, flimkien ma’ diversi entitajiet u kumpaniji lokali. Din l-inizjattiva li saret għat-tieni sena konsekuttiva irnexxielha tnaddaf il-Port minn madwar tliet tunnellati ta’ skart permezz ta’ żewġ clean ups.
Fost il-parteċipanti u l-voluntiera kien hemm Ambjent Malta, id-Dipartiment tat-Tindif, Vikings Sailing Club, l-Forzi Armati ta’ Malta (AFM), u l-Grand Hotel Excelsior.
L-akbar ammont ta’ skart miġbur kien – tajers, li ammontaw għal ftit aktar minn tunnellata u nofs. Dawn it-tajers tneħħew minn qiegħ il-baħar bl-għajnuna tal-bugħaddasa tal-AFM u l-voluntiera tal-Vikings Sailing Club.
It-tindif sar ukoll fuq wiċċ il-baħar u tul ix-xtut tal-port, fejn kwantita’ kbira ta’ loqom tas-sigaretti ġew miġbura – u b’hekk ġie evitat li jispiċċaw fil-baħar.
Permezz tal-kampanja Saving Our Blue u kull min qiegħed jagħti sehemu f’dawn l-inizjattivi, qed tinħoloq aktar kuxjenza dwar l-importanza li nipproteġu l-baħar u l-ekosistemi marittimi. Huwa importanti li kull wieħed u waħda minna jagħmel il-parti tiegħu billi jagħmel għażliet sostenibbli fil-ħajja ta’ kuljum u jiddisponi mill-iskart kif suppost.
Min hu interessat li jipparteċipa f’clean-up jew jixtieq jorganizza wieħed u jeħtieġ għajnuna, huwa imħeġġeġ japplika fuq, https://bit.ly/IslandsCleanUp2025 u jsegwi l-paġni soċjali ta’ Saving Our Blue għal aktar informazzjoni u attivitajiet.