L-eks Membru Parlamentari Clyde Puli qasam messaġġ emozzjonanti fuq il-midja soċjali hekk kif ħabbar il-mewt tal-għażiża kuġina tiegħu, Paula Azzopardi Darmanin, magħrufa mal-familjari tagħha bħala Pauline. Permezz ta’ kliem mimli mħabba u nostalġija, Clyde stqarr li għalkemm il-familja kienet qed tistenna din l-aħbar, xorta waħda xtaqu li dak il-mument ma jasal qatt.
"Dalgħodu sbaħna għal aħbar li konna qed nistennew, filwaqt li xtaqna li qatt ma tasal," kiteb Clyde fil-bidu tal-messaġġ tiegħu. Huwa fakkar fil-kuraġġ li bih Pauline affaċċjat it-tbatija tagħha tul dawn l-aħħar snin, filwaqt li saħaq li minkejja d-diffikultajiet, hija baqgħet persuna li kienet tħobb il-ħajja u tagħmel l-almu tagħha biex tgawdiha.
"F’dawn is-snin, affaċċjat it-tbatija tagħha b’kuraġġ. Kienet tħobb iżżomm ruħha. Kienet tħobb toħroġ. Kienet tħobb tgħix. U l-ħajja għexitha sakemm tatha saħħitha." Clyde spjega li Pauline kienet l-akbar fost il-kuġini min-naħa ta’ ommu, bint iz-zija Marija u z-ziju Tommy. Huwa fakkar ukoll kif, wara li żżewġet lil Manuel, hija marret tgħix l-Awstralja meta hu kien għadu tfajjel, għalkemm baqgħet iżżur Malta ta’ spiss.
Minkejja d-distanza li kienet tifridhom, it-teknoloġija għenithom jibqgħu f’kuntatt tul is-snin, xi ħaġa li Clyde semma b’ċerta nostalġija fil-messaġġ tiegħu. "U t-teknoloġija moderna, li għandha ħabta tqarreb lil dawk li qegħdin ’il bogħod u tbiegħed lil dawk li qegħdin viċin, żammitna f’kuntatt."
Huwa temm id-dedikazzjoni tiegħu bi kliem li jmiss il-qalb: "Fly high, kuġina. Sa ma nerġgħu niltaqgħu." Clyde wassal ukoll il-kondoljanzi tiegħu lil żewġha Manuel, lil uliedha Stefanie Azzopardi u Vanessa Jahani, kif ukoll lil ħutha Marlene, Anna Saliba, Monica u George Steve Darmanin.
F’dan il-mument ta’ niket, mit-tim ta’ Gwida.mt ningħaqdu ma’ Clyde u l-familja kollha biex inwasslu l-kondoljanzi sinċieri tagħna. Strieħ fis-sliem, Pauline.
Facebook / Clyde Puli