Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Koki, li ġie ċċelebrat ilbieraħ, Andrew Debattista, li ħafna jafuh għall-parteċipazzjoni tiegħu f’MasterChef Malta, qasam messaġġ mill-isbaħ fuq il-midja soċjali biex jesprimi l-ammirazzjoni u r-rispett tiegħu lejn dawk kollha li jaħdmu fil-qasam kulinarju.
Andrew, li kellu l-opportunità jesperjenza mill-qrib id-dinja tal-kċina permezz tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-programm televiżiv, saħaq li hemm differenza kbira bejn li wieħed jilbes il-ġakketta ta’ kok għal xi okkażjoni u li jagħmel dan ix-xogħol kuljum bħala professjoni.
"Li tilbes il-ġakketta ta’ kok kultant hija ħaġa, imma li tilbisha kuljum bħala professjoni hija xi ħaġa kompletament differenti!" kiteb Andrew. Huwa spjega li l-esperjenza tiegħu bħala dilettant fil-kċina ta’ MasterChef Malta tatu togħma żgħira ta’ kemm din il-professjoni tirrikjedi ħila, dixxiplina u dedikazzjoni.
Permezz tal-messaġġ tiegħu, Andrew xtaq isellem lill-ħafna ħbieb tiegħu li jaħdmu bħala koki, kif ukoll lill-professjonisti b’talent li kellu l-opportunità jiltaqa’ magħhom kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna. "Grazzi tal-ħbiberija tagħkom, tal-ġenerożità, tal-ispirazzjoni u, fuq kollox, tal-passjoni li ġġibu fix-xogħol tagħkom. Żgur li komplejtu tkabbru l-apprezzament tiegħi lejn il-gastronomija u lejn in-nies li hemm warajha," sostna Andrew.
Huwa temm il-messaġġ tiegħu billi esprima l-ammirazzjoni u r-rispett tiegħu lejn dawk kollha li jagħmlu parti minn din il-professjoni. Il-kliem ta’ Andrew ifakkarna li wara kull platt ippreparat b’għożża hemm sigħat twal ta’ ħidma, sagrifiċċji, kreattività u dedikazzjoni. Il-professjoni ta’ kok mhijiex sempliċement dwar it-tisjir, iżda wkoll dwar il-passjoni li wieħed iwassal esperjenza speċjali lil dawk li jduqu l-ikel tiegħu.
Minn Gwida.mt ningħaqdu ma’ Andrew biex insellmu lill-koki kollha li ta’ kuljum jaħdmu b’tant dedikazzjoni u passjoni!
Facebook / Andrew DeBattista