Kollezzjoni Ta’ 3,150 Oġġett Relatat Mat-Tim Tal-Arsenal FC – L-Ikbar Kollezzjoni Fil-Gżejjer Maltin

Arsenal FC

The Malta Records ħabbru rekord nazzjonali ġdid fil-gżejjer Maltin wara żjara li għamlu f’residenza privata fin-Naxxar, fejn ġiet ivverifikata u ppreżentata l-akbar kollezzjoni relatata mat-tim Ingliż Arsenal FC f’Malta.

Ir-rekord ġdid twaqqaf minn Carmel Vassallo, magħruf fost il-ħbieb tiegħu bħala “Karmenu l-Gunner”, li rnexxielu jiġbor total impressjonanti ta’ 3,150 oġġett marbuta mat-tim favorit tiegħu.

Il-kollezzjoni, li tinsab esebita fir-residenza tiegħu fin-Naxxar, tinkludi firxa enormi ta’ memorabilia u oġġetti relatati ma’ Arsenal FC. Fosthom wieħed isib xalel, gerijiet, kotba, magazines, badges, posters, mugs, tazzi, video cassettes, statwetti, blalen, brieret, fliexken tal-inbid, platti, arloġġi, albums tal-kards u l-istikers, flokkijiet, basktijiet, key chains, track suits u anke gazzetti antiki.

Skont The Malta Records, fil-kollezzjoni hemm ukoll diversi firem awtentiċi u oġġetti rari li jmorru lura ħafna snin. Parti minn din il-kollezzjoni kienet ukoll wiret mingħand il-mibki missieru, li jidher li qasam miegħu l-imħabba lejn Arsenal FC.

Huma sostnew li dan ir-rekord ħadilhom ħin konsiderevoli biex jgħodduh u jivverifikawh, iżda żiedu li kien xieraq li jibqa’ mnaqqax fil-memorja ta’ Carmel, speċjalment fi żmien li fih qed jiċċelebra suċċessi importanti għat-tim favorit tiegħu.

The Malta Records temmew jirringrazzjaw lil Carmel tal-ospitalità tiegħu u awgurawlu aktar mumenti ta’ ċelebrazzjoni fil-futur qarib.







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI