In-Nadur jinsab f’luttu wara l-aħbar tal-mewt ta’ Pietru magħruf bħala “tar-Rabokk”, persuna magħrufa u maħbuba minn ħafna fil-lokalità Għawdxija. Kien Beppe Galea li wassal il-messaġġ emozzjonanti fuq il-midja soċjali, fejn sellem il-memorja ta’ Pietru u ddeskrivieh bħala raġel “b’qalb kbira, dejjem bi tbissima u kelma tajba għal kulħadd.”
Galea qal li Pietru kien parti integrali mill-ħajja ta’ kuljum fin-Nadur, tant li diffiċli timmaġina l-Pjazza mingħajru. “Ma tistax tkun il-Pjazza tan-Nadur u ma tarax lil Pietru. Parti mill-ħajja ta’ kuljum, wiċċ familjari u persuna li kulħadd kellu rispett lejha,” kiteb Galea.
Huwa żied jgħid li bil-mewt tiegħu, in-Nadur tilef “wieħed minn tiegħu”, kliem li juri kemm Pietru kien persuna rispettata u apprezzata fil-komunità. Diversi persuni wkoll sellmu l-memorja tiegħu fuq il-midja soċjali, fejn fakkruh bħala bniedem umli, ferrieħi u dejjem lest biex jgħin lil ħaddieħor.
“Strieħ fis-sliem, Pietru,” temm jgħid Galea fil-messaġġ tiegħu.