Kważi 1,000 tarbija twieldu f’Malta permezz ta’ trattamenti ta’ fertilità bejn l-2013 u l-2025, skont informazzjoni ppreżentata fil-Parlament mill-Ministru għas-Saħħa Ian Borg.
Iċ-ċifri juru li matul dan il-perjodu twieldu 997 tarbija, li minnhom 947 twieldu permezz tal-IVF (In Vitro Fertilisation), filwaqt li 50 twieldu permezz tal-IUI (Intrauterine Insemination).
Madankollu, dawn iċ-ċifri mistennija jkomplu jiżdiedu. Dan għaliex bħalissa hemm 37 tarbija oħra mistennija jitwieldu minn koppji li għaddew minn trattamenti bejn Ottubru u Diċembru tal-2025 u li għadhom qed jistennew it-twelid.
Barra minn hekk, huwa stmat li 74 tarbija oħra se jitwieldu minn trattamenti li saru bejn Jannar u Ġunju tal-2026.
B’hekk, in-numru totali ta’ trabi mwielda permezz tal-IVF u l-IUI f’Malta mill-2013 sal-lum huwa mistenni jilħaq 1,109 tarbija, xhieda tal-impatt pożittiv li dawn is-servizzi ta’ fertilità kellhom fuq mijiet ta’ familji Maltin.