Kultant mument sempliċi jew xbieha li niltaqgħu magħha tista’ twassalna biex nieqfu ftit u nirriflettu. Dan kien il-każ għal Ivan Gaffiero waqt żjara f’Ruma, meta salib li lemaħ ġibidlu l-attenzjoni u wasslu biex jaqsam ħsieb profond mal-ħbieb u s-segwaċi tiegħu fuq Facebook.
Gaffiero spjega li dan ma kienx is-salib tradizzjonali li mdorrijin naraw b’Ġesù msallab fuqu, iżda kien jirrappreżenta persuna ordinarja. Għalih, din ix-xbieha kienet tfakkira qawwija li kull wieħed u waħda minna għandu s-salib tiegħu x’jerfa’ matul il-vjaġġ tal-ħajja.
Huwa rrifletta wkoll fuq kif dan il-piż mhux dejjem jiġi biss mill-isfidi li naffaċċjaw, iżda kultant jiżdied mill-kliem li jweġġa’, mill-kattiverja u mill-azzjonijiet tagħna lejn xulxin.
Il-messaġġ tiegħu kien wieħed ċar: għandna nġorru s-salib tagħna b’kuraġġ, iżda qatt ma nżidu l-piż ta’ ħaddieħor. Minflok, għandna nkunu dawk li noffru wens, għajnuna u kelma tajba lil min ikun għaddej minn żmien diffiċli. Fil-fatt, il-qalb tajba ma tiswa xejn, iżda tista’ tħalli effett kbir fuq ħajjet xi ħadd.
Facebook/Gaffiero Ivan