Friska mis-suċċess tagħha ġewwa l-ewwel edizzjoni ta' X Factor Malta, Nicole Frendo rnexxielha tikseb suċċess ieħor hekk kif kwalifikat għal finali tal-festival Taljan bl-isem ta' Festival Di Castrocaro li jixxandar fuq Rai Due.
Nicole kienet waħda minn għaxar finalisti. Il-format tal-programm hu sempliċi, il-kantanti jikkompetu fi dwell kontra xulxin, ikollhom għażla ta' tliet kanzunetti, jagħżlu waħda, ikantaw u minn hemm xi ħadd ikompli bl-avventura.
L-għażliet ta' Nicole kienu Skyfall, E Poi u l-kanzunetta Purple Rain li biha kisbet tant u tant suċċess u saħħret l-udjenza Maltija u anke dik internazzjonali! Nicole għażlet il-kanzunetta Skyfall, filwaqt li l-kompetitiriċi tagħha tagħha marret għal kanzunetta aktar moderna.
Għalkemm Nicole għamlet interepretazzjoni mill-isbaħ ta' Skyfall, il-ġurija ddeċidew li jgħaddu lil Debora Manenti għal fażi li jmiss tal-kompetizzjoni. B'hekk l-avventura ta' Nicole f'dan il-festival intemmet hawnhekk.
Uħud mill-akbar ismijiet li ħarġu minn din il-kompetizzjoni jinkludu lil Laura Pausini, Eros Ramazzotti, Zucchero u Alice. Min jaf ir-rebbieħ ta' din is-sena jirnexxilux jikseb is-suċċess li kisbu dawn fil-passat!
Żgur li għal Nicole din kienet avventura sabiħa xorta waħda li minnha tgħallmet u ċertament li ma ndumux ma nisimgħu aktar mingħand din l-artista brava. Awguri Nicole għal dak li għandek pjanat fil-futur.
Facebook / Nicole Frendo