L-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, laqgħet żjara ta’ kortesija mit-tmexxija ta’ Santa Gift International Charity Foundation fl-okkażjoni tal-ewwel anniversarju minn meta l-fondazzjoni ġiet irreġistrata bħala għaqda mhux governattiva f’Malta.
Din iż-żjara kienet mument importanti biex jiġi ċċelebrat ix-xogħol li sar tul din is-sena, kif ukoll biex jiġu diskussi pjanijiet għall-futur. L-għan ewlieni ta’ Santa Gift International Charity Foundation hu li tappoġġja tfal b’diżabbiltà, b’mod partikolari dawk li jbatu minn nuqqas ta’ smigħ. Il-fondazzjoni tħaddan viżjoni ċara: li dawn it-tfal jingħataw opportunitajiet aħjar sabiex jgħixu ħajja aktar indipendenti u jilħqu l-potenzjal tagħhom.
Matul iż-żjara tagħhom f’Malta, il-fondazzjoni diġà tat kontribut konkret billi assistiet diversi għaqdiet lokali li jaħdmu direttament mat-tfal. Fost dawn hemm Inspire Malta, National Alliance for Rare Diseases Support u Gozo Society for the Deaf.
Waqt il-laqgħa mal-President, l-uffiċjali tal-fondazzjoni spjegaw fid-dettall il-missjoni tagħhom u qasmu wkoll il-viżjoni għall-futur. Huma rrimarkaw kif beħsiebhom jkomplu jespandu l-għajnuna tagħhom biex jilħqu aktar tfal, filwaqt li jaħdmu fuq proġetti ġodda li mistennija jitħabbru fil-futur qarib.
Facebook/ Myriam Spiteri Debono