ŻVOG – The Short Film Festival Jirritorna Fl-24 Ta’ Lulju B’Ċelebrazzjoni Tat-Talent Lokali U Films Internazzjonali

ŻVOG – The Short Film Festival se jerġa’ jittella’ fl-24 ta’ Lulju fiċ-Ċinema ta’ Spazju Kreattiv, b’edizzjoni oħra ddedikata għat-talent emerġenti Malti u produzzjonijiet internazzjonali ta’ livell għoli.

L-organizzaturi qalu li l-għan ewlieni tal-festival huwa li jippromwovu kemm jista’ jkun lill-artisti Maltin, speċjalment dawk li għadhom fil-bidu tal-karriera tagħhom u li diġà qed jippreżentaw xogħol promettenti.

Ritratt: Not Just Coffee

"Huwa mhux biss festival tal-films, iżda ċelebrazzjoni tat-talent lokali – mimlija briju, daħk u atmosfera unika li dawk li attendew għall-ewwel edizzjoni għadhom isemmu sal-lum," sostnew l-organizzaturi.

Il-programm ta’ din is-sena jinkludi għaxar films Maltin: Omertà, Don't Look, Telqa, Dominion, Right and Left, Not Just Coffee, The Golden Bee, Outside, Wild Lands u Half Step Down. Dawn il-produzzjonijiet jesploraw temi differenti, fosthom identità, relazzjonijiet, suspense, fantasija, animazzjoni u drama psikoloġika.

Ritratt: Juwill

Minbarra l-films lokali, il-festival se jospita wkoll seba’ produzzjonijiet internazzjonali: A Little Mut, Handyman, La Paura di Vincera, A Perfect Match, Winter Sun, Battlefield u The Beneath, li se jkomplu jagħtu dimensjoni internazzjonali lill-avveniment.

Din is-sena, il-festival se jkun qed jiġi ġġudikat minn ġurija prominenti magħmula minn Brandon Terribile, Simone Spiteri u Alex Camilleri, kollha professjonisti b’esperjenza estensiva fl-industrija tal-films, b’uħud mix-xogħol tagħhom saħansitra ntwera quddiem udjenzi internazzjonali.

ŻVOG – The Short Film Festival se jsir nhar l-24 ta’ Lulju fiċ-Ċinema ta’ Spazju Kreattiv. Wieħed jista' jaqta' l-biljetti minn HAWN.

Ritratti:

Facebook / Spazju Kreattiv

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI