Wara X-Xita U L-Beraq It-Temp Se Jitjieb! Mistennija Ġurnata Xemxija Iżda B’Riħ Li Jissaħħaħ

Wara l-ħalbiet tax-xita li kellna matul l-aħħar sigħat, jidher li t-temp se jerġa’ jistabbilizza ruħu hekk kif illum mistennija ġurnata b’ħafna waqtiet xemxin, għalkemm ir-riħ mistenni jissaħħaħ matul il-ġurnata. Skont l-aħħar tagħrif ippubblikat mill-paġna Mid-Djarju tat-Timba, dalgħodu kien hemm xi attività ta’ beraq u ftit xita, iżda issa l-ajru tal-maltemp beda jitbiegħed lejn il-Lvant.

Dawk li jqumu kmieni setgħu josservaw xi beraq fil-bogħod, hekk kif l-attività tal-maltemp kompliet titbiegħed minn fuq il-gżejjer Maltin. Matul il-ġurnata mistennija perjodi twal ta’ xemx, b’xi waqtiet imsaħħbin, iżda mhux prevista aktar xita. Madankollu, wara nofsinhar ir-riħ mistenni jibdel id-direzzjoni tiegħu u jġib miegħu arja xi ftit aktar friska.

It-temperatura massima mistennija tilħaq is-26°C, filwaqt li dik minima tinżel għal madwar 18°C. It-temperatura tal-baħar tinsab madwar il-25°C, bl-umdità tilħaq it-78% u l-pressjoni atmosferika tkun ta’ 1016 mbar. Fir-rigward tar-riħ, dalgħodu se jkun ftit qawwi mix-Xlokk, iżda wara nofsinhar idur lejn il-Majjistral u jsir moderat għal qawwi, b’qawwa ta’ Forza 5. Il-baħar, li bħalissa jinsab imqalleb mix-Xlokk, mistenni jitħawwad aktar bil-Majjistral.

Għalhekk, minkejja li x-xita mistennija tagħmel waqfa, dawk li se jqattgħu ħin barra għandhom iżommu f’moħħhom li r-riħ se jissaħħaħ aktar tard matul il-ġurnata. Jidher li wara t-temp imqalleb tal-aħħar sigħat, għandna quddiemna jumejn ta’ temp aktar bnazzi!

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI