L-Ewwel Palk Mobbli Totalment Elettriku F’Malta – Idea Mill-Aqwa Li Ntlaqgħet Tajjeb!

Il-kumpanija ta’ telekomunikazzjoni GO ħabbret l-isponsorship tagħha tal-proġett lVANt — l-uniku palk mobbli totalment elettriku u li jopera fuq batteriji f’Malta. Aktar minn sempliċement pjattaforma għall-prestazzjonijiet kulturali, lVANt huwa simbolu ta’ konnessjoni li se jgħaqqad l-arti, it-teknoloġija u s-sostenibbiltà.

Il-proġett lVANt se jkun qed iżur diversi spazji pubbliċi f’lokalitajiet tul il-Lvant ta’ Malta biex iwassal mużika u spettaklu minn fuq palk imħaddem kompletament b’enerġija nadifa – riflessjoni qawwija ta’ dak li dejjem għamlet GO: li toħloq konnessjoni bejn in-nies. Fejn lVANt jgħaqqad permezz tal-kultura, GO tgħaqqad permezz ta’ infrastruttura diġitali avvanzata u issa wkoll permezz ta’ l-enerġija nadifa.

“lVANt huwa proġett li se jlaqqa’ lin-nies bil-lingwaġġ universali tal-mużika u l-arti u GO kburija li qed tgħin biex din l-esperjenza ssir realtà — mhux biss bit-teknoloġija, imma b’għan ċar. Il-konnessjoni kienet u għadha fil-qalba ta’ dak li nagħmlu, u issa qed nespandu dan ir-rwol biex nappoġġjaw it-tranżizzjoni ta’ Malta lejn enerġija aktar nadifa u intelliġenti,” qalet Mandy Calleja minn GO.



 



Minbarra li qed tisponsorja l-proġett, GO qed tipprovdi wkoll infrastruttura essenzjali biex il-palk jopera b’mod sostenibbli — inkluż sistemi ta’ batteriji, ġeneratur ta’ enerġija nadifa, u konnettività bla fili. Ir-riżultat se jkun esperjenza totalment mobbli u nadifa li se tkun daqstant effiċjenti fl-enerġija kemm rikka fuq livell kulturali.

Il-proġett qed jitella’ flimkien mal-Kunsill Reġjonali tal-Lvant u se jitnieda fil-binja ta’ GO fiż-Żejtun b’spettaklu live waqt il-festa annwali tas-sajf għall-impjegati ta’ GO.

Il-ħsieb wara l-proġett lVANt nibet is-sena l-oħra meta r-Reġjun tal-Lvant kien inħatar ir-Reġjun tal-Kultura u wara s-suċċess li kien kiseb, il-Kunsill Reġjonali reġa’ ta ħajja lil dan il-proġett sabiex jagħti spazju lill-artisti emerġenti u dawk iżjed stabbiliti.



 

“Grazzi għall-isponsors ġenerużi tagħna, il-Kunsill Reġjonali tal-Lvant jista’ jkompli jwassal l-arti u l-kultura fil-qalba tal-lokalitajiet tagħna. Sodisfatti ferm li dan il-proġett li ħalla impatt kulturali pożittiv, se jerġa jieħu l-ħajja mill-ġdid fit-toroq tagħna,” qal is-Sur Anthony Chircop, President tal-Kunsill Reġjonali tal-Lvant.

“Dan mhuwiex biss sempliċi sponsorship iżda inizjativa li tirrappreżenta b’mod qawwi l-vjaġġ aktar wiesa’ ta’ GO fejn qed niffukaw fuq il-futur biex inwasslu pajjiż iżjed sostenibbli,” temmet tgħid Mandy Calleja minn GO.

L-ewwel attività se tittella’ għada, 18 ta’ Lulju ġewwa l-pjazza tal-kumpless Mercury Towers, b’attivitajiet simili waqt Festa Madliena, Ħal-Lija, is-Swieqi u lokalitajiet oħra fir-Reġjun fil-ġimgħat li ġejjin sa l-14 ta’ Awissu.

 

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI