L-Infrastruttura Tat-Trasport Għandha Sservi Lin-Nies? – Residenti Jesprimu T-Tħassib Tagħhom Dwar Pjanijiet Għal Ferry Terminal F'Marsaskala

Fl-aħħar xhur, diversi residenti innutaw attivitajiet ta’ stħarriġ fiż-żona tal-bajja ta’ Marsaskala. Wara aktar investigazzjoni, jidher li dawn huma relatati ma’ pjanijiet biex jinbena terminal tal-ferry. Skont Moviment Graffiti, il-Ministru tat-Trasport ikkonferma li hemm proġett bħal dan għaddej. Minkejja dan, il-proposta qatt ma ġiet ippreżentata formalment lir-residenti, u la r-raġuni wara dan il-proġett u lanqas il-fattibbiltà tiegħu ma ġew spjegati jew diskussi. Ittra mibgħuta xhur ilu minn residenti mħassba – fejn kienu talbu għal ċarezza u konsultazzjoni – baqgħet mingħajr risposta.

Moviment Graffitti flimkien mal-Marsaskala Residents Network, jemmnu bis-sħiħ f’investiment fit-trasport pubbliku. Madankollu, jħarsu b’kawtela lejn inizjattivi li jagħtu prijorità lill-interessi kummerċjali jew privati qabel il-bżonnijiet reali tan-nies.

Din mhix l-ewwel darba li l-bajja ta’ Marsaskala tinsab taħt theddida ta’ żvilupp eċċessiv. Il-pubbliku diġà wera oppożizzjoni soda għal proposti bħall-pixxina tal-waterpolo b’faċilitajiet kummerċjali u marina tal-jottijiet – proposti li waqgħu grazzi għall-mobilizzazzjoni tal-komunità.





L-ittra li bagħtu r-residenti lill-Ministru tqajjem diversi mistoqsijiet leġittimi: x’se jkun l-impatt ambjentali u soċjali ta’ dan it-terminal fiċ-ċentru ta’ bajja użata kuljum minn komunità attiva? Għalfejn hemm bżonn ta’ terminal ġdid hekk qrib is-servizz tal-ferry li diġà jeżisti fil-Kottonera?

Humma jemmnu li jekk il-Ministru għandu data u raġunijiet konkreti li jiġġustifikaw din il-proposta, għandu jidħol fi djalogu miftuħ, trasparenti u inklużiv mar-residenti. Dan għandu jsir fuq bażi ta’ pjan komprensiv u b’evidenza soda dwar il-bżonnijiet tat-trasport.

Filwaqt li tonqos it-trasparenza u d-djalogu, il-proposta għal dan it-terminal – li tinsab fil-qalba ta’ bajja ambjentalment u soċjalment sensittiva – tqajjem tħassib serju dwar żieda fit-traffiku tal-art, tniġġis, okkupazzjoni tal-kosta u degradazzjoni ekoloġika.

Fuq kollox, huma jridu jistaqsu: dan il-proġett verament jaqdi l-ħtiġijiet tat-trasport tal-komunità, jew huwa mfassal biex itejjeb l-aċċess għat-turiżmu tal-massa lejn l-istabbilimenti kummerċjali fil-bajja?



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI