Il-programm ta’ tilqim tal-Covid f’pajjiżna ħa spinta oħra, hekk kif il-pajjiż f’Marzu għandu jibda jirċievi konsenja tal-vaċċin Johnson & Johnson, dan tħabbar mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne ilbieraħ waqt il-programm Xtra.
Il-Ministru Fearne żvela l-impatt pożittiv tal-wasla, u qal li “l-pjan inizjali kien li jinfetaħ it-tilqim għall-pubbliku ġenerali lejn l-aħħar ta’ Mejju.” Hu żied jgħid, “Imma peress li diġà qegħdin ġimgħatejn bil-quddiem u se nirċievu l-vaċċin Johnson & Johnson f’Marzu, nistgħu nagħmlu progress saħansitra aktar.”
Is-Sur Fearne ssuġġerixxa li fid-dawl tal-konsenja l-ġdida, il-pubbliku ġenerali jista’ jistenna li jibda jitlaqqam fil-bidu ta’ Mejju. Il-pajjiż ordna 250,000 doża ta’ dan il-vaċċin.
Il-vaċċin ta’ Johnson & Johnson wera li huwa effettiv b’doża waħda biss b’hekk għandu jkun aktar effiċjenti. Benefiċċju ieħor tal-vaċċin huwa li jista’ jinħażen b’faċilità komparattiva, f’temperaturi ta’ 2-8°C sa tliet xhur.
Meta mqabbel mal-vaċċin ta’ Pfizer u Moderna, dan jidher li għandu inqas effiċjenza għax hu maħsub li għandu 66%. L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini mistennija tagħti l-approvazzjoni tagħha lill-vaċċin Johsnon & Johnson sa Marzu. Minn Jannar, l-UE kienet ordnat 400 miljun doża tal-vaċċin.