L-Iskorpjun Iwassal Żewġ Superfans Sal-Postijiet Fejn Inġibdet Is-Serje

skorpjun bridge

L-imħabba għal L-Iskorpjun ma waqfitx mal-iskrin għal Joanne Zarb u Joseph Pike. Wara li skoprew dan is-serje, bdew jippjanaw vjaġġ lejn it-Turkija bil-għan li jsibu u jżuru l-postijiet fejn inġibdet id-drama tant segwita u mfittxija mill-Maltin.

“Xħin skoprejna L-Iskorpjun, mill-ewwel qtajna l-biljetti biex induru l-postijiet,” spjegat Joanne, li flimkien ma’ Joseph għamlet ħafna riċerka biex issib il-lokalitajiet tas-serje.

Il-mira ewlenija tagħhom kienet is-salon li jidher fis-serje, iżda l-vjaġġ ma waqafx hemm. Komplew ifittxu u rnexxielhom isibu erba’ postijiet differenti relatati ma’ L-Iskorpjun.

U anke waqt li kienu għaddejjin fit-toroq tat-Turkija, l-għajnejn tagħhom kienu dejjem miftuħa għal xi ħadd mill-atturi.

“Meta kont fit-triq kont qed inħares biex forsi nara lil Frida,” qalet Joanne b’ċerta tbissima, b’referenza għall-karattru ċentrali fis-serje.

Joanne u Joseph qasmu r-ritratti mill-postijiet li żaru fil-grupp ta’ diskussjoni ta’ L-Iskorpjun fuq Facebook, fejn dawn ġibdu ħafna interess u reazzjonijiet minn spettaturi oħra tas-serje.

Għal James Borg, wieħed mit-tradutturi u diretturi tad-doppjaġġ tas-serje, ir-reazzjonijiet tal-pubbliku huma parti importanti mill-proċess kollu.

"Meta tqis li aħna ma nafux it-Tork", spjega James, "waħda mill-akbar sfidi, aktar milli t-traduzzjoni nnifisha hija l-ħidma mal-atturi.

Irridu nqabbblu l-kliem max-xoffa u fuq kollox, inżommu l-emozzjoni.” Din il-passjoni hija wkoll riflessjoni tal-impatt li L-Iskorpjun ħalla fuq l-udjenza Maltija.

“Kif tisma’ dawn l-affarijiet, tkun taf li qed tagħmlu biċċa xogħol sew,” kien il-kumment li għadda il-preżentatur Ian Busuttil Naudi waqt il-programm TVAM, riflessjoni fuq ir-rispons li qed tirċievi l-verżjoni Maltija.

L-Iskorpjun huwa produzzjoni eżekuttiva ta’ Media Exclusive u TVM flimkien mat-tim ta’ produzzjoni ta' VSQUARED.

L-Iskorpjun bħalissa jinsab fit-tieni staġun tiegħu fuq TVM, kull nhar ta’ Tnejn fid-21:15, u qed ikompli jżomm lill-udjenza tistenna x’se jiġri wara hekk kif ir-relazzjonijiet u s-sigrieti tal-karattri jkomplu jiżviluppaw.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI