It-Tlieta, il-Parlament ta l-approvazzjoni finali għar-regoli aġġornati tal-UE biex jittejbu l-protezzjoni u l-informazzjoni li jirċievu l-passiġġieri jekk il-vjaġġ tagħhom jiġi mfixkel.
Ir-regolament, li ser isaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri fil-modi kollha tat-trasport, ġie adottat b'652 vot favur, 2 kontra u 8 astensjonijiet.
It-test adottat jiċċara r-regoli dwar ir-rimborż fil-każ ta’ kanċellazzjonijiet meta t-titjiriet jiġu bbukkjati permezz ta’ intermedjarju, bħal aġenti tal-ivvjaġġar jew pjattaformi ta’ prenotazzjoni online. Il-passiġġieri huma intitolati li jirċievu rimborż sħiħ, inkluż ta’ kwalunkwe tariffa ta’ intermedjazzjoni, fi żmien 14-il jum (it-trasportatur tal-ajru jrid jittrasferixxi l-pagament lill-intermedjarju fi żmien massimu ta’ sebat ijiem, u l-intermedjarju jrid jittrasferih lill-passiġġier fi żmien sebat ijiem oħra). L-intermedjarji jridu jinfurmaw lill-passiġġieri fil-ħin tal-prenotazzjoni dwar l-arranġamenti ta’ rimborż applikabbli.
Il-passiġġieri se jkunu jistgħu jissottomettu talbiet bl-użu ta’ formoli standardizzati għar-rimborż u l-kumpens, jew kwalunkwe formola ekwivalenti pprovduta mit-trasportatur. Il-formoli komuni se jkunu disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni, bil-lingwi kollha u għat-tipi kollha ta’ vjaġġar. Ir-regoli l-ġodda jsaħħu wkoll id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa billi jippermettu lil persuna li takkumpanjahom tivvjaġġa magħhom fuq titjira mingħajr ħlas jekk il-preżenza tagħhom tkun meħtieġa, kif diġà huwa l-każ għall-ivvjaġġar bix-xarabank, bil-ferrovija jew bil-vapur.
Madwar 13-il biljun passiġġier li jivvjaġġaw bl-ajru, bil-ferrovija, bil-kowċ, bix-xarabank jew bil-lanċa fl-UE kull sena huma koperti mid-drittijiet tal-passiġġieri tal-UE. Din iċ-ċifra hija mistennija li tilħaq 15-il biljun sal-2030 u kważi 20 biljun sal-2050.