Hekk kif ftit jiem ilu għal biljuni ta’ Kristjani minn madwar id-dinja beda ż-żmien tar-Randan, il-Knisja Kattolika Maltija tkellmet favur id-donazzjoni tal-organi u ddeskriviet dan il-ġest bħala “att ġenwin ta’ mħabba”.
Spjegat kif meta persuna tagħti l-organi tagħha wara mewtha ma tkunx qiegħda titlef mid-dinjità tagħha iżda minflok tkun qiegħda turi mħabba u solidarjetà ma’ dawk fil-bżonn. Saħqet kif ġest bħal dan jibdel mument ta’ traġedja f’wieħed ta’ tama.
Dwar persuni li jagħżlu li jagħtu xi organi minn tagħhom bħala donazzjoni matul ħajjithom, il-Knisja Kattolika Maltija fakkret l-importanza li dan l-att ta’ ġenerożità bl-ebda mod ma jipperikola l-ħajja tad-donatur.
Huwa għalhekk li fi tmiem l-Ittra Pastorali li l-Knisja Kattolika Maltija kitbet f’dan iż-żmien tar-Randan iddikjarat b’mod uffiċjali li hija favur dan il-proċess ta’ donazzjoni ta’ organi kemm-il darba dan jitwettaq b’mod etiku u responsabbli.
Facebook / Archdiocese of Malta u Pexels