“Li Taqdi Lis-Soċjetà Ma Jfissirx Li Tinsa Lilek Innifsek” – Il-Messaġġ Sinċier Ta’ Oliver Scicluna

Oliver Scicluna qasam riflessjoni sinċiera fuq il-mezzi soċjali dwar il-pressjoni, l-għeja u l-isfidi li jġib miegħu x-xogħol f’settur li jinvolvi responsabbiltà kbira lejn is-soċjetà. Fil-messaġġ tiegħu, Oliver spjega kif, minkejja snin ta’ ħidma u dedikazzjoni, wieħed xorta jista’ jibqa’ jħoss li hemm aktar xi jsir. Sens ta’ responsabbiltà li, għalkemm ġej minn xewqa li tagħmel il-ġid, kultant jista’ jwassal għal għeja u qtigħ il-qalb.

"Meta taħdem f’settur għal snin mhux ħażin, tagħmel kemm tagħmel, xorta tibqa’ tħoss li hemm aktar xi jsir. U iva, jaslu mumenti fejn tgħajja. Fejn taqta’ qalbek," kiteb Oliver. Huwa semma diversi sfidi li wieħed jiltaqa’ magħhom fil-ħidma tiegħu, fosthom problemi operazzjonali, diffikultajiet relatati mal-ħaddiema, każijiet li jidħlu wieħed wara l-ieħor u sistemi li mhux dejjem ikunu kapaċi jlaħħqu mal-bżonnijiet tan-nies.

Oliver enfasizza l-importanza tar-reżiljenza, iżda fl-istess waqt fakkar li anke dawk li jiddedikaw ħajjithom biex jgħinu lill-oħrajn għandhom il-limiti tagħhom. "Ir-reżiljenza tridha. Għax meta tikkrolla int, hemm ir-riskju li jikkrolla kollox miegħek."

Tul is-snin, huwa tgħallem kemm hu importanti li jistabbilixxi limiti personali biex ikun jista’ jkompli jaqdi dmirijietu bl-aħjar mod, mingħajr ma jittraskura l-benesseri tiegħu stess. "Għax li tibqa’ tagħti mingħajr waqfien ma jfissirx li qed tagħmel aktar ġid. Fit-tul, jista’ jkun ta’ detriment kemm għalik innifsek kif ukoll għal dak li tkun qed tipprova twettaq," spjega.

Il-messaġġ tiegħu jolqot realtà li ħafna persuni jistgħu jirrelataw magħha, speċjalment dawk li jaħdmu f'oqsma fejn il-ħtiġijiet tal-oħrajn spiss jiġu qabel dawk personali. Oliver temm ir-riflessjoni tiegħu b'messaġġ ċar dwar l-importanza li wieħed jieħu ħsieb tiegħu nnifsu daqskemm jieħu ħsieb lill-oħrajn.

"Li taqdi lis-soċjetà ma jfissirx li tinsa lilek innifsek. Se nibqa’ naqdi, nagħti u naħdem għall-ġid tas-soċjetà sakemm niflaħ. Iżda b’rispett u dinjità anke lejja nnifsi." Kliem li jfakkarna li l-mistrieħ u l-limiti personali mhumiex sinjal ta’ dgħufija, iżda parti essenzjali biex wieħed ikun jista’ jkompli jagħti l-aħjar tiegħu.

Ritratt:

Facebook / Oliver Scicluna

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI