Fuq il-mezzi soċjali tiegħu, il-psikologu Nicholas Briffa, jaqsam parir important lill-koppji fejn jitkellem dwar is-sess f’relazzjoni u l-importanza li l-koppja tifhem lil xulxin u l-bżonnijiet li jkollhom.
Hu jibda billi jispjega, “Ejja ngħidu kelmtejn dwar is-sess u l-prijoritajiet. Li tkun impenjat wisq tista’ faċilment toqtol l-aptit sesswali tiegħek. Jekk ma tiġix indirizzata, il-frustrazzjoni sesswali tidħol minħabba li l-aspettattivi u x-xewqat sesswali ma jkunux qed jintlaħqu. Jekk nagħtuhom żmien biżżejjed, is-solitudni, id-diżappunt, u r-riżentiment jiżdiedu, u dawn ipoġġu r-relazzjoni tiegħek fi stat ħażin.”
Ma’ dan hu jżid, “Jekk bħalissa għaddej minn tali perjodu, issa huwa l-waqt li tieħu azzjoni u tpoġġi r-relazzjoni tiegħek lura fit-triq it-tajba. Ħafna koppji iħossuhom skomdi jitkellmu dwar il-ħajja sesswali tagħhom, u dan ifisser li jekk int se titkellem dwar dan, għandek bżonn tipprepara lilek innifsek b’doża b’saħħitha ta’ għarfien fuqek innifsek u fuq l-emozzjonijiet tiegħek.”
Briffa jkompli, “Wasal iż-żmien li tkun kurjuż dwar għaliex il-ħajja sesswali tiegħek ingħatat il-ġenb u qabdet it-triq tan-niżla. Se tieħu ftit mir-responsabbiltà dwar il-fatt li qiegħed tkun wisq impenjat u imħabbat għas-sess? X’qiegħed tagħmel biex ikollok iżjed ħin għas-sess? X’inhuma l-ħsibijiet, sentimenti u tħassib tiegħek dwar il-ħajja sesswali tagħkom?”
Hu jtemm, “Jekk il-partner tiegħek u r-relazzjoni tiegħek huma verament importanti għalik, mela ibda investi l-ħin u l-impenn fir-relazzjoni tiegħek.”
Facebook / Nicholas Briffa